RIKONOXXIMENT TA’ SERVIZZ MOGĦTI LIT-TURISTI
Id-Direttorat għar-Riżorsi Umani u Servizzi ta’ Appoġġ fi ħdan l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu qed iniedi skema li għandha l-għan li tirrikonoxxi pubblikament sforzi għal servizz tajjeb li ħaddiema li jiġu f’kuntatt mal-pubbliku jagħtu lit-turist. L-iskema magħrufa bħala “The Star Scheme” għandha wkoll il-ħsieb li tinkoraġġixxi ħaddiema fl-oqsma tal-catering, akkomodazzjoni, ivvjaġġar u trasport biex huma wkoll jagħtu servizz aħjar fil-futur.
Il-premju jirrikonoxxi dawk l-individwi li qed juru t-triq fl-għoti ta’ servizzi. Dawn se jingħataw punti minn 1 sa 5 – wieħed għall-anqas valur u 5 għall-ogħla – għal diversi aspetti fl-għoti ta’ servizzi.
In-nominazzjonijiet jsiru fuq applikazzjonijiet apposta li jagħlqu fl-24 ta’ Frar 2006. Dawk kollha li jkunu se jingħataw premju jkunu nfurmati xahar qabel ma tittella’ ċ-ċerimonja ta’ l-għoti tal-premjijiet. Dawn jingħataw ċertifikat uffiċjali u labra bl-iSTAR (Special Thanks And Recognition) li tista’ tintlibes fi kwalunkwe ħin tax-xogħol.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li kien kuntent li kien qed iniedi din l-iskema li qed issir għall-ewwel darba. Hu qal li kienet l-intenzjoni ta’ l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li tibqa’ torganizza dan l-avveniment kull sena u li tiftħu għall-katergoriji oħra ta’ impjegati fil-qasam turistiku. “Is-servizz u t-turiżmu kienu marbuta flimkien. Ma jistax ikollna turisti li jerġgħu jżuru pajjiżna jekk ma nagħtuhomx servizz tajjeb kullimkien: fil-lukandi, fir-ristoranti, fuq it-trasport pubbliku – f’kull servizz li jingħataw,” saħaq il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li lit-turist ridna nagħtuh l-aħjar servizz u anke valur għall-flus li jonfoq. Hu qal li jekk is-servizz ikun tajjeb u jkun hemm value for money allura t-turiżmu jkompli jikber u jħalli aktar ġid fost il-popolazzjoni kollha tal-pajjiż.
Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għall-inizjattiva tagħhom u nkorraġihom biex jieħdu aktar inizjattivi ta’ din il-għamla għaliex hu biss billi nkomplu ngħollu s-servizz li naghtu u nżommu kuntenti lil min jiġi fostna li nkabbru s-settur turistiku li hu tant vitali għall-ekonomija nazzjonali.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946