L-ENEMALTA TERĠA’ TIBDA TIPPROVDI SERVIZZI FL-AJRUPORT: DISA’ ĦADDIEMA MA JOBDUX ID-DIRETTIVI TAL-GWU
Is-Segretarju tat-Taqsima Kimika, Enerġija u Stampar tal-General Workers’ Union, Geitu Mercieca, llum indirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet biex jipprova jiddefendi l-azzjonijiet irresponsabbli li ordna lill-membri tiegħu fit-taqsima ta’ l-Avjazzjoni fl-Ajruport u fit-taqsima tal-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija fil-Power Station.
Fl-istess ħin li kien qed jindirizza l-Konferenza ta’ l-Aħbarijiet, madwar is-2 ta’ wara nofsinhar tal-lum, il-Korporazzjoni Enemalta infurmat lid-Direttur ta’ l-Avjazzjoni Ċivili u lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li tista’ tibda tagħti servizz limitat lill-ajurplani b’konformità sħiħa mar-regoli internazzjonali ta’ l-avjazzjoni.
Dan wara li 9 impjegati tat-taqsima (minn fost 53 membru) iffirmaw dikjarazzjoni li huma lesti jirritornaw għax-xogħol normali. Il-ħaddiema l-oħra għadhom sospiżi mingħajr paga. Dawn id-disa’ impjegati qed jaħdmu fuq xiftijiet ta’ żewġ impjegati f’kull ħin. B’żewġ impjegati, il-Korporazzjoni qed tipprovdi servizz konformi mar-regoli internazzjonali kważi fl-istess livelli li l-union qed tippretendi li għandhom jagħmluhom 14-il impjegat.
Is-Sur Mercieca illum ipprova jinsisti li l-azzjonijiet industrijali li ordna kienu leġittimi għax kienu avżati skond kif suppost. Il-fatti huma kontra dan. Nhar is-7 ta’ Marzu 2005, Geitu Mercieca kiteb lis-CEO ta’ l-Enemalta Ray Attard fejn qallu “li jekk sa l-aħħar ta’ din il-ġimgħa ma jkolliex tweġibiet fuq dawk il-punti kollha li tant ilha tistaqsi fuqhom, allura it-Taqsima ma jibqalhiex triq oħra għajr dik li tieħu dawk l-azzjonijiet li jidhru l-aħjar.”
L-uniċi riservi li l-Korporazzjoni kienet taf li kellha l-GWU dwar l-operat ta’ l-Enemalta kienu dwar id-deċiżjonijiet tal-Korporazzjoni li:
fit-taqsima ta’ l-avjazzjoni jinżammu ħaddiema kemm hemm bżonn m’hux kemm jidhrilha li għandu jkun hemm bżonn il-union;
it-trasport tal-ħaddiema lejn il-Power Station ta’ Dellimara jieqaf Bir id-Deheb flok jibqa’ dieħel il-Belt meta jkun qed jaħdem it-trasport pubbliku;
il-ħaddiema tad-Distretti jingħataw l-istess allowance li jingħataw sħabhom fid-Diviżjoni tal-Metres meta jirraportaw li raw tbagħbis fil-metres;
l-operaturi tat-telefon fil-Marsa jwieġbu telefonati minn Għawdex bejn l-10.30 ta’ fil-għaxija u s-7 ta’ fil-għodu;
l-operaturi mal-boilers fil-Power Station jitħarrġu biex jitgħallmu jħaddmu aktar minn turbina waħda skond il-bżonn;
u li jitkeċċa impjegat li ġie dixxiplinat 36 darba tul il-karriera tiegħu inkluż għal agressjoni fiżika ta’ l-imgħallem tiegħu u li kien xurban fuq ix-xogħol.
Dawn il-kwistjonijiet kienu kkomunikati b’mod sporadiku u f’laqgħat bejn il-management u l-union ingħataw sinjali konfużi dwar x’kienet tassew il-fehema tal-union dwarhom. Apparti minhekk, ebda waħda minn dawn il-kwistjonijiet ma kienet sostanzjali biż-żejjed biex wieħed jippretendi li l-union tqisu floku li tirreaġixxi bil-mod sproporzjonat li għamlet u tesponi lill-Korporazzjoni għal danni kbar ħafna.
Il-union xorta ngħatat tweġiba. Nhar is-7 ta’ Marzu 2005, Ray Attard wieġeb lil Geitu Mercieca u talbu jagħmillu lista dwar x’inhuma l-kwistjonijiet li Mercieca qed jgħid li hemm pendenti biex il-Korporazzjoni tkun tista’ twieġeb fid-dettall li jixraq.
Il-Management tal-Korporazzjoni ma reġa sema’ xejn mingħand il-GWU sakemm faqqgħu l-azzjonijiet industrijali gravi li bdew nhar it-Tlieta. Dan bi ksur tal-Ftehim Kollettiv li jgħid li “1.6.3. F’każijiet [fejn il-management u l-union ma jaqblux] iż-żewġ partijiet jibdew diskussjonijiet f’tentattiv biex isibu ftehim sodisfaċenti għat-tnejn. Iż-żewġ partijiet jippruvaw isegwu l-mekkaniżmi stabbiliti mil-liġi biex iwittu d-differenzi bl-aħjar mod possibbli; dawn il-mekkaniżmi bħalissa huma l-konċiljazzjoni.
1.6.4. Jekk dawn it-tentattivi ma jwasslux għas-soluzzjonijiet meħtieġa, waħda mill-partijiet tagħti lill-parti l-oħra avviż bil-miktub ta’ jumejn (2) tax-xogħol żmien ta’ bidu ta’ azzjoni industrijali, tkun xi tkun.”
Il-union ma fittxitx medjazzjoni qabel ħadet l-azzjonijiet u manifestentament ma tat ebda avviż t’azzjonijiet industrijali wara xi medjazzjoni, kif inhi obbligata tagħmel skond il-ftehim. Hu ċar li l-azzjonijiet li ħadet huma fi ksur espliċitu tal-Ftehim Kollettiv.
Is-Sur Mercieca pprova jitkellem b’mod leġġer dwar l-impatt tal-miżuri li ordna hu fl-ajruport bħalli kieku ma kienux xi ħaġa perikoluża. Il-Gvern, il-Korporazzjoni Enemalta, id-Dipartiment ta’ l-Avjazzjoni Ċivili, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-linji ta’ l-ajru li jużawh, jippreferu joqgħodu fuq l-istandards internazzjonali ta’ sigurtà tal-passiġġieri bl-ajru milli minflok joqgħodu fuq il-parir waħdieni, dilettantesk u kontrastanti tas-Sur Mercieca. Dan kien verifikat f’laqgħat il-bieraħ li kellu l-Ministeru ta’ l-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, mad-Direttur ta’ l-Avjazzjoni Ċivili u ma’ uffiċjali ta’ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Air Malta. L-Enemalta kellha wkoll parir ta’ espert tekniku estern li li kieku kellha tkompli tipprovdi servizz fil-kundizzjonijiet imposti mid-direttivi tal-union, il-Korporazzjoni kienet tikser ir-regoli internazzjonali ta’ sigurtà fl-avjazzjoni.
Hemm raġunijiet għalfejn jeżistu proċeduri ta’ sigurtà fil-qasam ta’ l-avjazzjoni u m’hux se jkun Geitu Mercieca li jikkonvinċi lil xi ħadd li għax hu jgħid li m’hemmx bżonnhom, ma jkunx hemm bżonnhom.
Geitu Mercieca jista’ jkun m’hux aġġornat dwar kif ġew aġġornati r-regolamenti internazzjonali ta’ l-avjazzjoni. Fil-passat il-miżuri ta’ sigurtà kienu differenti minn dawk viġenti llum, li jeżiġu li jkun hemm rekord dettaljati u awtentikati tal-ħażna u l-użu taż-żjut. Ir-regolamenti viġenti assolutament ma jippermettux li x-xogħol jissokta fin-nuqqas tal-proċeduri li ntlaqtu mid-direttivi tal-union.
Geitu Mercieca jgħid ukoll li l-Gvern qed jipprova joskura lill-ħaddiema. Il-Gvern m’għandu għalfejn joskura lil ħadd. Il-General Workers’ Union qed toskura lilha nfisha meta tordna azzjonijiet għax:
Trid li 14-il ħaddiem jitqabbdu jaħdmu l-ajruport meta jkun hemm bżonnhom kollha jaħdmu għal 8 siegħat fil-ġimgħa u l-bqija jistgħu jagħmlu xogħol ieħor flok joqgħodu jħarsu;
Trid li l-Korporazzjoni tħallas vjaġġi kuljum bil-coach bejn il-Belt u Birżebbuġa anke jekk kuljum għal kważi l-vjaġġi kollha l-coach tkun vojta jew iġġor persuna jew tnejn;
Trid li xi ħaddiema jieħdu allowance, iżda ħaddiema oħra ma jiħduhiex avolja jagħmlu l-istess xogħol;
Trid li l-operaturi tat-telefon iwieġbu telefonati biss jekk jiġu minn Malta iżda ma jweġbuhomx jekk xi ħadd iċemplilhom minn Għawdex;
Trid li min iħaddem boiler ikun jaf iħaddem lilha biss u jekk il-boiler tkun mitfija jibqa’ jħares u ma jitqabbadx jaħdem ma’ boiler oħra;
Trid li impjegat li agredixxa lill-imgħallem tiegħu f’daru u nstab ħati 36 darba ta’ ksur ta’ dixxiplina ma jitkeċċiex.
Il-Gvern m’għandu bżonn jagħmel xejn biex joskura ‘l min għandu dawn il-fehmiet. Lanqas hu minnu li l-ħaddiema kollha jridu jobdu d-direttivi tal-GWU.
Geitu Mercieca ma qalx il-verita’ meta qal li l-bieraħ iltaqa’ mal-Viċi Chairman ta’ l-Enemalta u ftiehem dwar l-irtirar tas-sospensjonijiet tal-ħaddiema li ħadu azzjonijiet irresponsabbli sakemm imbagħad il-Ministeru ta’ l-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni ħassar dan il-ftehim. La l-Viċi Chairman ta’ l-Enemalta u lanqas ħadd ieħor mill-Enemalta ma ltaqa’ ma xi ħadd mill-General Workers’ Union il-bieraħ.
Kif spjegat dal-għodu, il-Korporazzjoni Enemalta l-bieraħ infurmat lid-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ l-Impjiegi li hi disposta tieħu sehem f’laqgħa ta’ konċiljazzjoni meta u jekk il-General Workers’ Union tirtira d-direttivi kollha li ordnat mingħajr kundizzjonijiet. Il-Gvern hu ta’ l-istess fehma tal-Korporazzjoni Enemalta dwar dan.
Geitu Mercieca ma qalx il-verita’ ukoll meta qal li l-Viċi Chairman ta’ l-Enemalta tah raġun dwar kemm hemm bżonn ħaddiema f’kull ħin fit-taqsima ta’ l-avjazzjoni. L-allegazzjoni tas-Sur Mercieca hi miċħuda kategorikament mill-Viċi Chairman innifsu.
Il-Gvern u l-Korporazzjoni Enemalta jixtiequ juru l-apprezzament tagħhom għad-determinazzjoni li wrew id-9 ħaddiema li aċċettaw li jidħlu lura għax-xogħol.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946