IN-NEGOZJI ŻGĦAR IGAWDU MINN AĊĊESS AĦJAR GĦALL-FINANZJAMENT
“It-titjib ta’ l-aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi ż-żgħar huwa wieħed mill-objettivi taċ-Ċarter Ewropew għan-Negozji ż-Żgħar, u f’Malta dejjem qegħdin nippruvaw intejjbu dan l-aċċess, bi skemi aħjar għal self ta’ flus għas-self employed u sidien ta’ negozji żgħar. Għalhekk huwa b’sodisfazzjoni li nilqa’ inizjattivi bħal dik ta’ l-HSBC mal-Malta Enterprise li qegħdin jerġgħu joffru skemi għall-intrapriżi żgħar.” Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-Onor. Edwin Vassallo, waqt li kien qiegħed jitkellem f’laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ numru ta’ self-employed.
L-Onor. Vassallo kompla billi jgħid li “għandna ħafna persuni li jixtiequ jiftħu n-negozju tagħhom, jew li diġa’ għandhom negozju u jixtiequ jirranġawh, u ħafna drabi jiltaqgħu ma’ problemi ta’ kapital. Għalhekk huwa importanti li l-banek lokali jagħmlu li jistgħu biex jassistu lil dawn in-negozji żgħar.”
“Dawn l-iskemi ta’ l-HSBC flimkien mal-Malta Enterprise , joffru kemm garanziji għal self, kif ukoll rati favorevoli ta’ interessi fuq l-istess self. L-iskemi huma mmirati għal tliett setturi differenti. L-ewwel skema hija maħsuba għal dawk fis-settur tal-manifattura, it-tieni skema hija għal dawk li qatt ma kellhom negozju u jixtiequ jiftħu negozju ġdid, filwaqt li t-tielet skema hija maħsuba direttament għal dawk it-tenants li ser jieħdu ċ-ċans fil-villaġġ ta’ l-artiġjanat ta’ Ta’ Qali. Dawn l-iskemi għandhom iħeġġu aktar negozjanti jsaħħu l-investiment li diġa’ hawn fin-negozju, u l-Malta Enterprise , kif ukoll banek lokali, dejjem lesti li jgħinu billi joffru skemi bħal dawn u oħrajn. Bi skemi bħal dawn f’Malta għandna naraw l-intrapriża tikber u l-investiment f’dan is-settur jiżdied.”
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo temm jisħaq fuq il-ħtieġa li l-banek lokali jtejjbu l-iskemi tagħhom ta’ self ta’ flus lis-self-employed u lis-sidien ta’ negozji żgħar, speċjalment fis-setturi ta’ manifattura u artiġjanat li huma riżultat ta’ riċerka u innovazzjoni. Pajjiżna jeħtieg li jkompli jgħin fil-ħolqien ta’ aktar negozji ġodda.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946