Left arrow Go Back

MADWAR 230 GĦALLIEM/A JIEĦDU L-WARRANT PERMANENTI

PR0407
Date Icon 17/03/2005

“Għalliem, bħala professjonista, ma jistax jittratta l-klassi bħala grupp wieħed, iżda bħala grupp ta' individwi b'karatteristiċi, b'kapaċitajiet u b'pass partikulari biex jitgħallmu. Għal dan l-iskop, il-kors Universitarju jagħti lill-għalliema l-għerf, l-attitudnijiet u l-ħiliet meħtieġa biex jgħallmu u jedukaw lit-tfal u liż-żgħażagħ li l-ġenituri u l-Istat jafdalhom f'idejhom.” Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea kien qed jitkellem waqt iċ-ċerimonja tat-tqassim tal-Warrant Permanenti ta’ Għalliem lil madwar 230 għalliema ġodda. Din iċ-ċerimonja ġiet organizzata mid-Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti  

Il-qofol taċ-ċerimonja kien il-wegħda pubblika ta’ impenn sħiħ li l-għalliema jagħmlu li jgħożżu u jirrispettaw l-istudenti kollha, li jiżviluppaw lill-istudenti mil-lat edukattiv, soċjali u morali, u li jkunu ta’ eżempju ħaj għall-istudenti, filwaqt li josservaw il-Kodiċi ta’ Etika kif titlob il-liġi ta’ l-Edukazzjoni.  

Dr Carm Borg, Dekan tal-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni u membri mill-istess fakulta’ tellgħu preżentazzjoni multi media li tiffoka fuq it-tema ‘Ngħallmu biex Nagħmlu Differenza’.  

Il-Ministru Galea enfasizza kif l-għalliema jridu jkunu minn ta' quddiem biex jipprattikaw it-tagħlim matul il-ħajja permezz ta' aġġornament kontinwu fl-interess tagħhom personali kif ukoll ta' l-istudenti tagħhom. Fost l-isfidi li jridu jaffaċjaw, il-Ministru semma’ l-kompetizzjoni li ġejja mill-ibgħad pajjiżi fid-dinja. Semma wkoll kif illum qegħdin ngħixu f'dinja li qed tinbidel kontinwament, u fejn Malta trid tagħraf is-sinjali taż-żminijiet u tikkompeti l-aktar permezz ta' l-iżvilupp tar-riżorsi umani. Huwa emfasizza l-użu estensiv tat-Teknoloġija ta' l-Informatika bħala għodda ewlenija li ġġedded it-tagħlim biex nisfruttaw l-investiment qawwi li sar f'dan il-qasam.  

“Waħda mill-isfidi li qed naffaċjaw illum fl-edukazzjoni hi l-‘Aġenda ta’ Lisbona’ stabbilita mill-Unjoni Ewropea. Il-mira hi li kull student itemm l-iskola sekondarja bil-ħiliet bażiċi kollha u bil-kompetenzi ewlenin u b’hekk ikun jista' jkompli jitgħallem u jitħarreġ mingħajr diffikulta' matul ħajtu. Mira sħiha hi li kulħadd ikompli jistudja għall-anqas sa tmintax-il sena. Mira oħra hi li aktar studenti, l-aktar tfajliet, jispeċjalizzaw fix-Xjenza, fil-Matematika u fit-Teknoloġija.” Il-Ministru qal li “s-sistema edukattiva qed toffri l-istrumenti meħtieġa lill-għalliema fosthom il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali li, l-Level Descriptors li għandhom jindikaw b'mod prattiku safejn mistenni li twasslu lill-istudenti f'kull suġġett, il-Policies li ħarġu u se jkomplu joħorġu biex jagħtu direzzjoni lis-sistema edukattiva, bħalma huma l-policies dwar edukazzjoni inklussiva, il-bullying, l-imġieba tajba, u l-abbuż minn sustanzi.”  

“Il-Pjan ta' Żvilupp ta' l-Iskola għandu jagħti opportunita' lill-Għalliema kollha biex jagħtu sehemhom fl-iżvilupp tat-tagħlim u ta' l-iskola bħala komunita' ta' tagħlim, il-Performance Management Programme għal kull għalliem li, flimkien mal-Pjan ta' Żvilupp ta' l-Iskola, għandu jwassal biex kull għalliem jara x'sehem għandu jagħti fl-iżvilupp tiegħu nnifsu u ta' l-iskola li jgħallem fiha u l-ambjent fiżiku tajjeb u edukattiv bħala parti minn programm ta' rinnovament mill-qiegħ ta' l-iskejjel kollha ta' l-Istat,” temm jgħid il-Ministru Louis Galea.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow