MALTA TIBBENEFIKA MINN GĦOTJA TA’ €350,000 FI PRODOTTI TA’ L-IKEL MOGĦTIJA MILL-UNJONI EWROPEA
Għall-ewwel darba din is-sena, Malta qed tibbenefika minn għotja ta’ madwar €350,000 fi prodotti ta’ l-ikel mogħtija mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-prodotti ta’ l-ikel jingħataw lil dawk l-aktar fil-bżonn fis-soċjeta’ u jitqassmu taħt il-European Agriculture Guidance and Guarantee Fund (EAGGF).
Dawn il-prodotti jitqassmu minn fost is-surplus stocks li jkollha l-Kummissjoni Ewropea.
F’diskors li għamel waqt ċerimonja qasira li matulha bdew jitqassmu dawn il-prodotti, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino qal li din hija miżura li turi s-solidarjeta’ fil-prattika ta’ l-Unjoni Ewropea. Hu qal li dawn il-prodotti ta’ l-ikel huma maħsuba biex jintużaw minn dawk l-aktar fil-bżonn u bl-ebda mod ma jistgħu jinbiegħu għal skopijiet kummerċjali.
Skond statistika tal-Eurostat, Malta ġiet allokata mal-1,400 tunnellata ta’ ċereali u 550 tunnellata ta’ ross. Wara li dawn ġew ipproċessati u manifatturati, Malta se tibbenefika minn 209 tunnellati ta’ ross u 314-il tunnellata ta’ għaġin.
Minbarra dawn se tinħareġ tender oħra lokali għall-provvista ta’ prodotti u trab tal-ħalib b’kemm jiswew €108,000 li għandhom isarrfu f’madwar 56 tunnellata ta’ trab tal-ħalib u prodotti oħra essenzjali magħmulin mill-ħalib.
Wara l-intervent personali tal-Ministru għall-Agrikoltura Taljan Giovanni Alemanno, waqt iż-żjara li hu kien għamel f’Malta, inħareġ tender komuni mal-Gvern Taljan għall-manifattura u d-distribuzzjoni tal-prodotti u b’hekk il-Gvern Malti kompla ffranka mill-ispejjeż relatati ma’ din il-miżura.
Peress li l-ammont tat-tender kien relattivament baxx, it-tender konġunt mat-Taljani kien jagħmel aktar sens għaliex kienet tkun diffiċli li ssib kumpanniji interessati li jidħlu għat-tender li kieku nħareġ għal Malta biss (eż. spejjeż ta’ ġarr tar-raw material, spejjeż tal-manifattura, pakkeġġjar, distribuzzjoni eċċ.). Kumpanniji Maltin setgħu jidħlu għal dan it-tender għaliex dan kien maħruġ madwar l-Ewropa kollha.
Wara avviż legali biex għaqdiet volontarji jirċievu u jqassmu l-ikel intgħażlu l-Moviment Azzjoni Soċjali u l-Caritas (Għawdex). Fid-distribuzzjoni qed jingħataw ukoll importanza l-kappillani tal-parroċċi sabiex jidentifikaw dawk l-individwi li l-aktar li jistgħu jibbenefikaw minn din l-għotja. Dan jinkludi l-familji, l-istituti, l-għaqdiet li jaħdmu fost persuni b’każijiet soċjali u oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari Frans Agius li wkoll kien preżenti għal din l-okkażjoni qal li din hi biss l-ewwel parti mill-konsenja ta’ ross u matul ix-xahar id-dieħel se titqassam l-ewwel parti mill-konsenja ta’ għaġin. Il-kumplament tal-konsenji tar-ross u l-għaġin mistennija jaslu f’Ġunju u f’Settembru li ġej.
Kemm il-Ministru Pullicino kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Agius rringrazzjaw lil kull min ta s-sehem tiegħu biex din il-konsenja setgħet isseħħ fosthom lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, lill-voluntiera, lill-ATTRANS li offrew il-containers tagħhom bla ħlas sa ma ssir id-distribuzzjoni u lill-ħaddiema tad-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946