SAĦĦA FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL
It-tfal fl-iskejjel primarji se jibdew jisimgħu aktar dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol wara li llum ġie mniedi l-karattru Napo flimkien ma’ ktejjeb ta’ attivitajiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Dawn ġew imnedija mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea fl-iskola Primarja ta’ l-Imsida.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Galea saħaq dwar l-importanza ta’ edukazzjoni li trawwem ċittadini u ħaddiema ppreparati aħjar għad-dinja tax-xogħol. Huwa żied jgħid li kultura ta’ prevenzjoni tista` titrawwem l-aħjar jekk nibdew nifhmu minn meta nkunu żgħar kemm hu siewi l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà.
Il-Ministru Galea qal li dan il-karattru u l-ktejjeb ta’ Awtorità hu parti mill-istrateġija Ewropea dwar ‘mainstreaming’ tas-saħħa u s-sigurtà fis-sistemi edukattivi b’mod li jkun hemm involviment attiv f’dan il-qasam minn eta’ żgħira.
Louis Galea qal li d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni qed twettaq xogħol siewi fl-iskejjel ta’ l-istat biex tiżgura ambjent san u protett kemm jista’ jkun u fl-istess ħin trawwem sens ta’ saħħa u sigurtà fl-istudenti kollha. Il-Ministru qal li fl-iskejjel tal-Gvern hemm 70 għalliem/a tas-saħħa u s-sigurà (health and safety teacher), 10 fil-livell primarju u 60 li jkopru il-livell sekondarju. Fl-iskejjel primarji jsiru programmi edukattivi għat-tfal tar-raba’, il-ħames u s-sitt klassi, ħidma biex l-apparat li għandu x’jaqsam mat-tifi tan-nar ikun fi stat tajjeb, u li jkun hemm pjan ta’ evakwazzjoni u s-sinjali kollha li hemm bżonn. Qed isir ukoll programm ta’ edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fid-dar. Fl-iskejjel sekondarji, fejn l-għalliema huma tal-post, minbarra is-safety audits u r-risk assessments li jsiru fl-iskejjel kollha, isiru seminars u safety weeks għall-istudenti. Fl-iskejjel kollha qed isiru drills darbtejn fis-sena biex l-istudenti jipprattikaw il-pjan ta’ evakwazzjoni u dak kollhu li jkunu tgħallmu.
Ic-Chairperson ta’ l-Awtorià̀, Dr Joanna Drake, qalet li bl-għajnuna ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-Awtorità qed tfassal numru ta’ inizjattivi indirizzati għal etajiet differenti. Napo huwa indirizzat għal studenti li jattendu l-iskola primarja u li għandhom bejn tmienja u ħdax-il sena. Fil-ktejjeb hemm għadd ta’ attivitajiet edukattivi li t-tfal jistgħu jagħmlu fosthom iqabblu s-sinjali, tislibiet, jimmarkaw il-periklu u jaħdmu s-somom sabiex isibu frażi sigrieta. Hemm ukoll logħba edukattiva. Dan il-ktejjeb se jitqassam fl-iskejjel primarji waqt attivitajiet li jinkludu wiri ta’ filmat dwar Napo , esibizzjoni ta’ posters dwar Napo u taħdita minn uffiċjal tas-saħħa u s-sigurtà. Il-karattru Napo jagħmel żjara wkoll fl-iskejjel biex iwassal il-messaġġ b’mod aktar ċar. Hija żiedet tgħid li l-edukazzjoni u l-informazzjoni kienu dejjem parti essenzjali mill-operat ta’ l-Awtorità peress li dejjem emmnet li l-infurzar mhux biżżejjed. Dr. Drake saħqet dwar l-importanza li titneħħa l-kultura ta’ ‘macho’ li għandhom ħafna ħaddiema u naturalment l-aħjar mezz kif isir dan huwa billi nibdew ngħallmu lit-tfal sa min età żgħira.
Dr. Mark Gauci, il-Kap Eżekuttiv ta’ l-OHSA qal li kull sena l-Awtorità torganizza kampanja ta’ informazzjoni dwar suġġett partikolari. Is-sena l-oħra t-tema kienet dwar il-kostruzzjoni u din is-sena dwar l-istorbju fuq il-post tax-xogħol. Fil-fatt is-sena d-dieħla, din il-kampanja li se ssir fuq livell Ewropew, se tkun immirata lejn studenti sekondarji u post-sekondarji, inkluż l-MCAST. Dr Gauci żied jgħid li minn prova li saret fi ftit skejjel, instab li Napo huwa suċċess mat-tfal, li finalment iwasslu l-messaġġ ukoll lil min hu ikbar minnhom. Il-karattru Napo huwa maħluq minn konsortju Ewropew, iżda hija Malta biss li ħolqot dan il-ktejjeb u l-kostum. Fil-fatt, l-Aġenzija Ewropea isselfet dan il-kostum biex niedew attivitajiet fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni. Dr Gauci qal li jinsab konvint li dan il-karattru se jilħaq l-iskop tiegħu biex finalment ikollna postijiet tax-xogħol aktar siguri għall-ħaddiema tagħna.
Dawk l-iskejjel li jixtiequ li jkollhom żjara minn Napo, flimkien ma’ taħdita dwar is-saħħa u s-sigurtà u jakkwistaw kopja tal-ktejjeb jistgħu jikkuntattjaw lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fuq tel: 21247677/8 jew bl-email fuq: ohsa.communications@gov.mt
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946