IL-KONSULTAZZJONI TĦALLI R-RIŻULTATI
B’riżultat ta’ sensiela ta’ laqgħat li s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, ħa ħsieb li jorganizza fuq firxa ta’ xhur mas-sidien tan-negozji żgħar taż-Żona Industrijali tal-Mosta, qegħdin jidhru r-riżultati.
Waqt żjara li s-Segretarju Parlamentari għamel fiż-Żona Industrijali tal-Mosta, huwa ta rendikont ta’ f’hiex qed tikkonsisti n-nefqa tal-ħidma li qed issir. L-Onor. Vassallo spjega li “l-akbar investiment li qed isir f’din iż-żona kien ix-xogħol infrastrutturali, fuq ħdax il-triq li b’investiment ta’ madwar Lm350,000 qed ikunu mibnija mill-ġdid. Dan ix-xogħol jikkonsisti fi 13,600 metru kwadru f’kisi ta’ tarmak, tliet kilometri ta’ bankini ġodda, żewġ kilometri ta’ service culverts, madwar nofs kilometru f’katusi ta’ l-ilma tax-xita u 580 metri ta’ katusi tad-drenaġġ.
Għandhom isiru wkoll xogħlijiet fuq żewġ toroq oħra, Triq in-Naġġar u Triq Arthur Borton, fejn ser jintefqu Lm50,000 f’kisi ta’ tarmak, u stallazzjoni mill-ġdid tas-servizzi tad-dawl, ilma u drenaġġ.
“Waqt il-laqgħat ta’ konsultazzjoni, s-sidien tan-negozji kienu qed jiġu mistiedna li jressqu l-ilmenti u s-suġġerimenti tagħhom ta’ kif l-ambjent taż-żona tagħhom setgħat titjieb. Fil-fatt, kemm bħala grupp kif ukoll individwalment, ingħataw iċ-ċans li jesprimu l-opinjoni tagħhom u jiena dejjem kont dispost li nisma’ u niddiskuti magħhom l-proposti mressqa.
Fost ilmenti oħra, is-sidien tan-negozji f’din iż-żona spiss kienu jilmentaw minn vultaġġ baxx u problemi oħra fis-servizz ta’ l-elettriku. Kien għalhekk li bdiet ħidma sabiex ġie propost li tinbena electrical substation ġdida biex jitjieb is-servizz ta’ l-elettriku eżistenti u fl-istess ħin biex ikun hemm servizz ta’ l-elettriku adekwat anke għal negozji oħra li jistgħu jiftħu ‘l quddiem f’din l-istess żona. Fil-fatt, din is-substation illum hija lesta u ġiet tiswa lill-Gvern Lm35,000.
“Investiment ieħor li twettaq f’din iż-żona kien il-kostruzzjoni ta’ pompa tad-drenaġġ ġdida li ser tkun tista’ tnaqqas kull inkonvenjent li bħalissa għandhom diversi sidien tan-negozju ta’ din iż-żona. Anke hawn, dan seta’ jsir wara proċess ta’ laqgħat konsultattivi ma’ dawn is-sidien fejn ħareġ fil-beraħ li kienet teżisti l-problema ta’ nuqqas ta’ servizz adekwat fis-sistema tad-drenaġġ f’diversi toroq ta’ din iż-żona. L-ispiża totali li ntefqet s’issa fuq dan ix-xogħol kollu konness ma’ din il-pompa tad-dranaġġ tammonta għal Lm20,000.”
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo spjega wkoll kif waqt iż-żjarat li spiss kien jagħmel f’din iż-żona kienu jitressqu wkoll diversi lmenti dwar nuqqas ta’ dawl fit-toroq. “Dan wassal biex s’issa diġa sar investiment ta’ Lm15,000 fl-installazzjoni ta’ sistema ta’ street lighting ġdida u bħalissa qed jiġi mħejji rapport sabiex titkompla t-tieni fażi ta’ dan ix-xogħol.
“Saret ħidma wkoll fuq l-organizazzjoni ta’ din iż-Żona, fejn, flimkien mal-Kunsill Lokali, sar xogħol biex ingħataw l-ismijiet lit-toroq kollha ta’ din iż-Żona Industrijali, u fil-fatt fil-ġimgħat li għaddew spiċċa x-xogħol tat-twaħħil tat-tabelli taċ-ċeramika bl-ismijiet tat-toroq kollha. Qed jinħadmu wkoll numru ta’ tabelli oħra li ser jitpoġġew fl-entraturi taż-Żona Industrijali.”
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ħabbar ukoll li b’riżultat ta’ dan il-kuntatt kontinwu mas-sidien tan-negozji, jista’ jitwaqqaf Kumitat ta’ Azzjoni minn fost l-istess sidien. Bħalma qed isir f’żoni industrijali oħrajn, il-Kumitat ta’ Azzjoni għandu jservi ta’ aktar għajnuna sabiex jitkompla dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, u b’hekk, żoni industrijali bħal din ikunu jistgħu jgawdu mill-aħjar organizzazzjoni u jkunu jistgħu jaħdmu bl-aħjar mod possibbli.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946