Left arrow Go Back

JUM DINJI GĦAD-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR: MESSAGG MILL MINISTRU GĦALL-KOMPETITTIVITA’ U KOMUNIKAZZJONI, L-ONOR. CENSU GALEA

PR0389
Date Icon 15/03/2005

Li aħna nħadmu d-drittijiet tal-konsumatur huwa dmir tagħna ta’ kuljum iżda kull sena niddedikaw ġurnata apposta sabiex ikollna l-okkażżjoni li nitkellmu iktar fuq l-aspetti kollha li dan is-suġġett tant importanti fil-katina tal-kummerċ kif ukoll sabiex niffokaw fuq xi tema speċifika.  

Din il-protezzjoni tal-konsumatur hi meħtieġa aktar u aktar fid-dinja tal-lum, meta għandna suq ħieles u allura hemm kompetizzjoni sħiha fis-swieq madwar id-dinja kollha.   Il-konsumatur, meta ma jkollux min jgħallmu u jipproteġieh, jista’ jisfa’ mkaxkar mill-ħajra tas-suq, fejn kulħadd irid ibiegħ, kulħadd irid il-kumditajiet kollha u kultant jitħajjar jixtri oġġetti jew servizzi mingħajr ma jkun informat tajjeb dwar dak li qiegħed jixtri sabiex jiddeċiedi jekk għandux jagħżel dak l-oġġett jew servizz.

Bit-teknoloġija  avvanzata li qegħdin naffaċċjaw f’dawn iż-żminijiet, il-konsumatur qed jiltaqa’ ma’ prodotti ġodda ta’ kuljum, għaldaqstant jiġi mħajjar jixtri u jesperimenta  b’riklamar attrajenti li l-ħin kollu qiegħed iħajjar lill-konsumatur biex jixtri, mingħajr ma jaħseb biżżejjed, almenu jekk hux veru li għandhu bżonn dak l-oġġett jew jekk fil-fatt hux ser jieħu l-valur għal dak li jkun qiegħed jonfoq.  

Hawnhekk naraw il-bżonn ta’ nformazzjoni tajba dwar il-prodotti kollha, biex b’hekk il-konsumatur ikun infurmat sew dwar x’ser jixtri.   L-informazzjoni ghall-konsumatur hija l-aqwa arma li jista’ jkollu, peress li din iġġiegħlu jkun konxju ta’ dak kollu li jikkonċerna l-prodott, kemm rigward il-kwalita’, il-mod li bih irid jiġi użat, kif ukoll rigward il-prezz.   Id-dritt għall-informazzjoni huwa dritt sagrosant tal-konsumatur, u fil-fatt huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali li l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi sabiex ma’ jiġix sfruttat il-konsumatur.   Għal dan il-għan l-UE għandha tmien prinċipji bażiċi biex il-konsumatur ikun protett.  

Apparti l-prinċipju li l-konsumatur għandu dritt għall-informazzjoni, hemm ukoll il-prinċipju li l-konsumatur għandu dritt għall-għażla.   Aħna nafu li għaddejna minn żmien fejn prodott kien jiġi fi kwalita’ waħda biss.   Dan issa ma’ jistax isir.   Il-konsumatur  għandu d-dritt li jinstema’, kif ukoll għandu d-dritt li jkollu moħħu mistrieħ li l-prodott li jixtri ma jkunx ta’ periklu.   Għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea stabbiliet ‘standards’ ta’ sigurta’, ngħidu aħna bħal dawk stabbiliti fuq kull prodott li jaħdem bl-elettriku u li jkun ta’ vultaġġ baxx, bhalma huma  toasters, ħdejjed tal-mogħdija  u ġugarelli.   Dawn il-prodotti għandu jkollhom fuqhom il-marka ‘CE’ biex wieħed ikun żgur li qabel ma nħarrġu għall-bejgħ, dawn kienu manifatturati u ttestjati skond l-istandards tal-UE.  

Il-konsumatur għandu d-dritt ukoll għall-kumpens, meta xi prodott ma jkunx konformi ma dak li jkun ftiehem fuqu waqt il-kuntratt tal-bejgħ.   

Per eżempju, jekk wieħed xtara ħadida tal-mogħdija u din wara xi ftit jiem li tkun ġiet użatha kif suppost, ma tibdiex tisħon biex tgħaddi, il-konsumatur għandu d-dritt li tal-ħanut minn fejn ikun xtraha, l-ewwel jipprova jsewwi l-prodott, u jekk din tibqa’ difettuża, wara jagħtih waħda ġdida.   Dan is-serviżż (after sales service) għandhu jingħata  kollu bla ħlas.   

Hemm imbagħad id-dritt ta’ l-edukazzjoni tal-konsumatur, li huwa fundamentali, għax konsumatur li hu edukat huwa konsumatur infurmat.   Kif diġa semmejna, il-konsumatur għandu jingħata kull informazzjoni meħtieġa dwar il-prodott li jkun ser jixtri, biex dan ikun jista’ jagħmel deċiżjoni tajba.  

Hemm ukoll id-dritt li l-konsumatur jgħix f’ambjent nadif u b’saħħtu, f’arja li ma’ tkunx imniġġsa, u hawnhekk ukoll jidħol id-dritt għall-informazzjoni, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jikkontribwixxi lejn il-prinċipju li nżommu toroq nodfa, li nagħżlu l-iskart biex ikun jista’ jsir użu aħjar minnu, li jara kif jiddisponi minn xi ‘appliance’, li m’għadux tajjeb, jew li joqgħod attent fejn ser jarmi ċerti żjut jew materjal ieħor li jista’ jagħmel ħafna ħsara lill-ambjent. Il-konsumatur għandu rwol importanti ħafna biex inkunu nistgħu ngħixu ħajja aħjar.  

L-Unjoni Ewropea tipproteġi lill-konsumatur ukoll fir-rigward ta’ riklamar jew informazzjoni qarrieqa.   In-negozjant huwa marbut bil-Liġi li ma jagħmel ebda tip ta’ reklamar qarrieqi.    

Wiehed jifhem li negozjanti jirreklamaw biex ihajru lill-konsumatur jixtru l-prodott taghhom. Madankollu rridu noqoghdu attenti minhabba l-fatt li certu riklami jistgħu ikunu magħmulin b’ċertu mod li jqarqu bil-konsumatur. Ghalhekk ghandna nizguraw li l-ghan tar-riklamar għandu jkun mezz ta’ nformazzjoni oħra li jiggwida lill-konsumatur biex jixtri xi ħaġa ġdida u tajba.    

It-tema li ntagħżlet din is-sena mill-Għaqda Dinjija li tiġbor fiha l-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi għal dan il-jum dinji hi, ‘l-Ikel Ġenetikament Modifikat’, u proprju għalhekk din id-Diviżjoni għażlet li tikkonċentra fuq l-informazzjoni, peress li l-‘GM foods’ għad m’hemmx ħafna nformazzjoni fuqhom.   Il-konsumatur għandu jinforma ruħu sew qabel ma jagħżel li jixtri prodotti li jkunu ġenetikament modifikati.   L-Unjoni Ewropea qegħda ssostni li qabel ma dan it-tip ta’ ikel joħroġ fis-swieq internazzjonali, dan għandu jgħaddi minn proċess ta’ ttestjar, u li jkun hemm proċedura li tiggarantixxi t-trasparenza sabiex il-produttur ikun jista’ jinżamm responsabbli għal xi ħsara li tista’ ssir kemm lill-konsumatur kif ukoll lill-ambjent.  

Għaldaqstant, id-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni trid tiggarantixxi li d-drittijiet tal-Konsumatur qegħdin jiġu mħarsa. L-impjegati ta’ din id-Diviżjoni qegħdin jiġu mħarrġa kontinwament sabiex ikunu jistgħu ifittxu d-drittijiet tal-konsumatur fejn dawn ikun u jidhru li huma mhedda.   Ikun hemm ma l-1,350 ilment mill-konsumaturi matul is-sena, li kollha jiġu ttrattati b’professjonalita’ u li persentaġġ kbir minnhom tinstab soluzzjoni amikevoli fuqhom.  Minn ma jilħaqx ftehim mill-ewwel għandu d-dritt li jmur iktar ‘il hemm, u jieħu l-każ tiegħu quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur.    

Is-sena li għaddiet, din id-Diviżjoni nidiet kampanja ta’ informazzjoni biex tagħmel il-konsumatur aktar konxju mid-drittijiet tiegħu.  Għal dan il-għan qegħda tipprovdi wkoll fuljetti fejn tfiehem b’mod l-aktar ċar u sempliċi x’inhuma d-drittijiet tal-konsumatur u anke l-obbligi tagħhom, peress li kif hemm id-drittijiet hemm ukoll l-obbligi li wieħed għandu josserva, kemm jekk ikun konsumatur kif ukoll jekk ikun negozjant.   Saru wkoll programmi fuq it-television dwar dan is-suġġett, kif ukoll, kważi ta’ kuljum, ikun hemm rappreżentanti ta’ din id-Diviżjoni jew fuq xi stazzjon tar-radju jew inkella fuq it-television biex jagħtu l-informazzjoni meħtieġa u jirrispondu domandi li jista’ jistaqsi l-pubbliku waqt dawn il-programmi.  

Fid-Divizjoni tal-Konsumatur u Kompetizzjoni qeghdin jithejjew ukoll zewg 'Quality Service Charters', wiehed fid-Direttorat ta' l-Operations, u wiehed fid-Direttorat ta' l-Informazzjoni u Servizz lill-Klijent.   Dan qieghed isir mux ghax bhalissa ix-xoghol mhux qieghed isir f'waqtu, izda biex il-pubbliku isir jaf ukoll x'inhu ezattament ix-xoghol ta' dawn iz-zewg Direttorati, kif ukoll b’liema serjeta' isir.   Ikun hemm ukoll weghda ta’ twettiq tax-xoghol fi zmien limitat, biex dak li jkun jinqeda fl-iqsar zmien possibbli.  

Ta min isemmi ukoll li d-Direttorat ta' l-Informazzjoni u Servizz lill-Klijent ftit gimghat ilu applika ma’ l-Unjoni Ewropea biex f'Malta jinfetah Centru Europew ghall-Konsumatur f'Malta.   Dan ic-Centru jservi biex jigu ttrattati lmenti minn persuni barranin.  

Il-konsumatur illum għandu l-mezzi kollha biex jipproteġi ruħu f’każ li jħoss li qiegħed jiġi mċaħħad mid-drittijiet tiegħu.    Pero’ jrid jieħu l-inizjattiva hu wkoll biex jaqra l-informazzjoni, u biex meta jkun qiegħed jagħmel xi akkwist ma’ jaqbadx u jixtri l-ewwel ħaġa li taqa’ taħt għajnejh, pero’ għandu jdur u jqabbel kemm prezzijiet kif ukoll il-kwalita’, ħalli b’hekk ikollu dejjem l-aqwa prodott jew servizz għall-flus li jkun qed jonfoq.    

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow