Left arrow Go Back

IL-KONTIJIET TAD-DAWL U L-ILMA BIL-FUEL SURCHARGE

PR0385
Date Icon 14/03/2005

Il-Partit ta’ l-Oppożizzjoni permezz tal-mezzi tax-xandir tiegħu, il-bieraħ allega li l-Gvern żamm milli joħroġ il-kontijiet tad-dawl u l-ilma bil-fuel surcharge ta’ 17% sakemm jgħaddu l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Din l-allegazzjoni hi infondata u maħsuba biex tqarraq lill-pubbliku. Biżżejjed wieħed isemmi l-impjieg tat-8,000 ruħ lejliet l-elezzjoni ta’ l-1987 li, għalkemm issa għaddew 17-il sena, il-poplu Malti għadu jhallas ma’ l-Lm 40 miljun fis-sena f’salarji għalihom.

Il-fuel surcharge ta’ 17% bdiet taħdem fl-1 ta’ Jannar 2005. L-ewwel kontijiet ta’ l-użu domestiku li jinkludu l-fuel surcharge ikopru l-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u t-28 ta’ Frar 2005. Il-kontijiet għal dan il-perjodu jibdew joħorġu qrib nofs Marzu, jiġifieri madwar ħmistax-il jum wara li ntemm il-perjodu li jkopru.

Inċidentalment għall-ewwel darba din is-sena l-Korporazzjonijiet tas-Servizzi ta’ l-Ilma u Enemalta qed jimpenjaw irwieħhom li joħorġu kontijiet kull xahrejn minflok kif kien jiġri qabel f’perjodi differenti skond il-bżonnijiet amministrattivi tal-Korporazzjonijiet. Kif kien ampjament spjegat diversi drabi, f’dawn l-aħħar xahrejn kienu qed joħorġu l-kontijiet għall-konsumaturi kollha għall-perjodu li spiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2004 (qabel il-fuel surcharge). Sal-ġimgħa li għaddiet stess kienu għadhom qed joħorġu l-aħħar grupp ta’ kontijiet ta’ dan it-tip.

Lanqas hu korrett li jingħad kif qed jgħid il-Partit ta’ l-Oppożizzjoni li “l-Gvern stenna li jgħaddu l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali biex jibgħat il-kontijiet tad-dawl u l-ilma” bil-fuel surcharge. Fil-fatt nhar it-28 ta’ Frar 2005 intbagħtu l-kontijiet lil-lukandi għall-perjodu ta’ Jannar, inkluża l-fuel surcharge. Fl-4 ta’ Marzu 2005 intbagħtu l-kontijiet lill-konsumaturi industrijali għall-istess perjodu, ukoll inkluża l-fuel surcharge. Dawn huma tipi ta’ konsumaturi li jirċievu kont kull xahar, minflok bħall-konsumaturi domestiċi li jirċievu kont kull xahrejn u ghalhekk irċevew il-kontijiet tagħhom fi Frar u f’Marzu.

Irid jingħad ukoll li biex ikun ipprovdut is-servizz ta’ kont kull xahrejn, mit-tħabbira tal-Budget f’Novembru li għadda saret riforma radikali fil-mod kif jinħadmu u jinħarġu l-kontijiet. Biex ikunu evitati kemm jista’ jkun żbalji jew kalkulazzjonijiet ħżiena, f’dawn il-ġimgħat saru testijiet fuq is-sistemi tal-kalkolu tal-kontijiet. Dawn it-testijiet għadhom għaddejjin.

Dan qed jiġri biex ikunu evitati l-konsegwenzi tal-1997, meta l-Gvern Laburista biddel ir-rati tad-dawl u l-ilma bl-akbar insensittività fejn minbarra li għollhiehom b’medja ta’ 92%, ħareġ kontijiet, imbagħad qal li l-kontijiet inħadmu ħażin u ħarġu ogħla milli riedhom joħorġu.

Biex kompla fl-inkonsistenza tiegħu, il-Partit ta’ l-Oppożizzjoni qal il-bieraħ li “huma bosta l-ilmenti li qegħdin jaslu mingħand il-konsumaturi dwar iż-żieda esaġerata fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma li jaslu għand il-konsumatur kull xahrejn.” F’ġieħ is-sewwa jrid jingħad li jew l-ilmenti jew l-ilmentaturi li qed issemmi l-Oppożizzjoni huma bil-fors fittizji għax, kif ironikament qed tgħid l-Oppożizzjoni stess fl-istess nifs, il-kontijiet domestiċi ta’ kull xahrejn għadhom anqas biss bdew jinħarġu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow