ĦIDMA MILL-GVERN BIEX JIPPROMWOVI L-PRODUZZJONI TAŻ-ŻEJT TAŻ-ŻEBBUĠA
Il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa hija waħda antika f’Malta. Illum din it-tradizzjoni reġgħet tqajjmet u bil-ħidma tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, flimkien mal-produtturi u l-bdiewa, il-kwalità tal-prodott hija waħda għolja.
It-taħwil ta’ bosta siġar taż-żebbuġ huwa xiehda ta’ dan l-interess u impenn. Id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea jfisser ukoll li l-bdiewa tagħna jistgħu jibbenefikaw kemm minn fondi għall-iżvilupp rurali kif ukoll minn għajnuna fuq il-produzzjoni taż-żejt u dan għandu jkompli jsaħħaħ din l-industrija.
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt l-inawgurazzjoni ta’ kors fl-Olive Oil Tasting li ttella’ mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent bħala parti mill-Mediterranean Food Festival 2005. Dan il-kors jifforma wkoll parti mill-kampanja tal-Ministeru biex jippromwovi l-prodotti ta’ kwalità Maltin. Il-Ministeru qed jonfoq ma’ l-Lm130,000 f’kampanja dwar il-frott u l-ħaxix u f’kampanja oħra li tippromwovi l-inbejjed lokali ta’ kwalità.
Il-Ministru Pullicino qal li l-bdiewa qed jieħdu sa’ 50% fuq it-taħwil ta’ siġar ġodda permezz ta’ skema taħt il-Pjan ta’ Żvilupp Rurali u 53 ċenteżmu fuq kull kilo ta’ żejt ta’ żebbuġa li jiġi prodott.
Hu qal li biex wieħed ikun jista’ japprezza l-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa t-taħriġ huwa ta’ importanza kbira. Dan japplika l-aktar għall-dawk li jaħdmu fis-settur tal-catering li għandhom ikunu mħarrġa fuq liema żejt għandu jiġi ppreżentat lill-konsumatur. Il-konsumatur mill-banda l-oħra għandu jkun dejjem fuq quddiem fit-taħriġ personali tiegħu biex ikun jaf jagħraf u japprezza prodott ta’ kwalità bħalma hu ż-żejt taż-żebbuġa Malti.
Biex dan iseħħ huwa importanti li t-taghrif fuq it-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ, il-proċess ta’ kif isir iż-żejt u l-kwalitajiet tiegħu għandhom ikunu mgħarfa lill-pubbliku anke permezz ta’ taħriġ bħal ta’ llum.
Il-kors tmexxa minn Guido Celletti li huwa wieħed mill-esperti l-aktar magħrufa dwar iż-żejt taż-żebbuġa.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946