PREZENTAZZJONI TA’ L-EWWEL CERTIFIKAT TA’ BIEDJA ORGANIKA
Is-Segretarju Parlamentari responsabli għall-Biedja u is-Sajd, Dr. Francis Agius, dalgħodu ppreżenta l-ewwel ċertifikat ta’ Biedja Organika. Dr. Agius qal li dan jinvolvi proċess fejn Korp li jiċċertifika, jkollu sorveljanza fuq il-produttur matul is-sena kollha, b’hekk jivverifika li ma jkunx qed juża prodotti li m’humiex permessi skond ir-regolament ta’ l-agrikultura organika.
Ghalhekk, il-Gvern ħa ħsieb li jwaqqaf l-istrutturi meħtieġa biex dawk il-bdiewa li jixtiequ jkabbru prodotti organiċi jsibu l-għajnuna teknika. Dan kollu qiegħed jitwettaq sabiex il-konsumatur ikollu għazla ta’ dak li jixtieq jixtri.
Dr. Agius kompla jispjega li biex produttur jiċċertifika lilu nnifsu, irid japplika ma’ Korp ta’ Ċertifikazzjoni biex jinfurmahom li, minn dak in-nhar ser jibda jkun konformi mar-regolamenti ta’ l-Agrikultura Organika (Avviz Legali 237 tal-2004). Biex wieħed ikun jista jikkwalifika, jrid jgħaddi minn perjodu ta’ Konverzjoni. Dan ifisser li jkun hemm perjodu jvarja minn sentejn sa tlett snin fil-kaz tax-xtieli kif ukoll minn ftit xhur fil-kaz tal-produzzjoni ta’ l-annimali.
Francis Agius kompla jgħid li l-produttur irid ikollu buffer zone (zona ta’ lqugħ), jekk huwa mdawwar minn xi triq jew bdiewa li jużaw bexx konvezjonali. Wieħed ma jistax juza’ bexx jew fertilizzanti artifiċjali, jew jagħti ormoni u antibijotiċi għal xejn b’xejn lill-annimali. F’kaz ta’ raħħal, dan irid jitma lill-annimali tiegħu b’ikel organiku u naturali. Irid ukoll joħrog l-annimali jirgħu regolarment.
Sabiex prodott jinbiegħ ġo ħanut, dal-prodott irid ikun ippakkjat biex jitnaqqas ir-riskju li jitħallat ma’ prodotti oħra li ma jkunux ċertifikati.
Il-prodott irid ikun immarkat b’mod ċar li huwa organiku, u kull produttur li jġib iċ-ċertifikat jingħata kodiċi personali li jidentifikah. Dan il-kodiċi jrid jiġi nkluż fuq il-prodott li jbiegħ. Prodott li ma jkollux indikazzjoni fuqu li huwa organiku u ma jkollux ċertifikazzjoni, ma jistax jinbiegħ fis-suq u jitqies bħala wieħed illegali.
Prodott ċertifikat jagħtik il-garanzija li l-prodott huwa verament organiku. Għalhekk permezz taċ-ċertifikazzjoni, il-produttur jista’ jbiegħ il-prodott tiegħu bi prezz aħjar.
Dr. Agius spjega kif produttur jieħu wkoll għajnuna mill-Gvern, ta’ madwar Lm26 kull tomna f’sussidju.
Is-suq tal-prodotti organiċi huwa wieħed li dejjem qed jikber u għad hawn domanda kbira għal dawn il-prodotti. Il-konsumatur għandu l-garanzija li qed jiekol prodott li biex tkabbar ma saritx ħsara lill-ambjent jew lill-annimali kif ukoll tagħti garanzija lill-konsumaturi li dak li qegħdin jixtru huwa verament organiku, temm jgħid Dr. Agius.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946