IL-‘MATSEC’ …. X’TAĦSEB?
Sena ilu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea nieda process li bih is-sistema tal- MATSEC tpoġġiet taħt il-lenti, biex issir analiżi kritika u revizjoni tas-sistema preżenti. Bħala parti minn din ir-reviżjoni se ssir konsultazzjoni pubblika permezz ta’ l-istazzjon edukattiv Channel 22 bl-iskop li ħafna nies ikunu jistgħu jipparteċipaw u jagħtu l-opinjoni tagħhom.
Is-sistema tal-MATSEC inħolqot fl-1991 bl-iskop li tissostitwixxi l-eżamijiet tal-GCE fil-livelli ‘O’ u ‘A’, ta’ Bordijiet mir-Renju Unit b’sistema ta’ eżamijiet lokali imfasslin għall-istudenti Maltin u Għawdxin. Iż-żewġ sistemi ta’ eżamijiet li ġew żviluppati jsegwu l-prinċipji tal-Kurrikulu Nazzjonali. L-eżami tas-SEC (Ċertifikat ta’ Edukazzjoni Sekondarja) li kien joffri ċertifikat f’kull suġġett sal-livell li wieħed jilħaq hekk kif jispiċċa l-edukazzjoni obbligatorja. Il-Matrikola, minn naħa l-oħra, hi s-sistema li twassal lill-istudenti biex ikomplu studji f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, inkluż l-Universita’.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal li l-iskop ewlieni tar-revizjoni tal-MATSEC hu li tissaħħaħ is-sistema preżenti u li ssir aktar rilevanti għad-dinja tax-xogħol ta’ llum u ta’ għada. F’dawn l-aħħar snin l-ammont ta’ kandidati li joqgħodu għall-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC, żdiedu sostanzjalment biex minn ftit aktar minn 3500 fl-1992 is-sena li għaddiet għamlu l-ezamijiet mal-11,000 persuna.
Il-Kurrikulu Nazzjonali tas-sena 2000, irid li s-sistema edukattiva tagħna tiżviluppa b’mod li toffri edukazzjoni ta’ kwalita` lil kulħadd skond il-bżonnijiet tax-xogħol illum. Il-Kurrikulu joffri viżjoni ċara għall-edukazzjoni obbligatorja f’pajjiżna. Barra minn hekk waħda mill-miri tal-Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni għall-Impjiegi hu li sal-2010, 85% taż-żgħażagħ ta’ 22 sena iridu jkun waslu sal-livell post-sekondarju. Għaldaqstant hemm bżonn li naraw x’inhuma il-bżonnijiet tagħna illum, u l-istandards li irridu nilħqu.
Il-Ministru Galea qal li s-sena li għaddiet kien ħatar grupp ta’ esperti, li hu koordinat minn Dr. Grace Grima, u jinkludi lill-Professur Salvu Chircop, il-Professur Frank Ventura u s-Sur Ray Camilleri, Direttur tal-Kurrikulu fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Dan il-grupp qed jagħmel evalwazzjoni tas-sistema tal-MATSEC biex ikun f’pożizzjoni li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-futur taċ-ċertifikazzjoni fil-livell sekondarju u post-sekondarju. “Dan il-grupp qed iwettaq konsultazzjoni mifruxa ma’ kull min hu involut, inkluż għalliema, kapijiet ta’ skejjel, uffiċjali fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, l-Universita` u l-MCAST, is-setturi ekonomiċi privati u pubbliċi, kif ukoll il-Unjons” qal Louis Galea, li tenna li “issa wasal il-waqt li dan il-grupp jagħmel konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma li trid issir lis-sistema tal-MATSEC. Ħriġna bl-idea li din il-konsultazzjoni tieħu l-forma ta’ programmi televiżivi li se jixxandru fil-11 ta’ Marzu fuq Education 22.”
Matul dan il-jum fuq dan l-istazzjon, immexxi mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, se jixxandru tliet programmi ta’ siegħa u nofs–il wieħed immirati għal ġenituri (fid-09:30), għall-istudenti (fit-15:30) u għal kulħadd (fis-18:00) rispettivament. Matul dawn il-programmi se jingħata tagħrif interessanti dwar il-MATSEC kif ukoll ikun hemm min jirrispondi għall-mistoqsijiet li jistgħu jagħmlu t-telespettaturi permezz tat-telefon, sms jew e-mail. Fl-istudio se jkun hemm panels ta’ esperti li se jkunu jistgħu jagħtu tagħrif ta’ siwi dwar il-MATSEC kif ukoll iwieġbu diffikultajiet li jitqajmu.
Matul dawn il-programmi se jixxandru features informattivi dwar il-MATSEC li jinkludu: kif taħdem din is-sistema, xi kwalifiċi huma meħtieġa biex wieħed ikompli jistudja f’istituzzjoni ogħla jew biex isib impjieg, x’assistenza tingħata lil min ipoġġi għall-eżemijiet tas-SEC u l-MATSEC, kif wieħed għandu jipprepara għal eżami, pariri dwar kif wieħed għandu jwieġeb mistoqsijiet waqt eżami, kif tkun imħejjija karta ta’ eżami u l-proċess ta’ kif tiġi kkoreġuta.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946