TAĦRIĠ FIL-BINI TAL-ĦITAN TAS-SEJJIEĦ GĦAL KULĦADD
Il-ħitan tas-sejjieħ huma karatteristika ewlenija fl-għelieqi u l-pajsaġġ ta’ pajjiżna. Is-sengħa tal-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ tmur lura eluf ta’ snin. Huwa id-dover tagħna lkoll li din is-sengħa ma tintilifx u li nżommuha dejjem ħajja għal ġid tagħna u speċjalment għal ġenerazzjonijiet futuri.
Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit meta ingħaqad ma’ numru kbir ta’ ħaddiema u żgħażagħ li qed jattendu kors fuq il-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ organizzat mill-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini (BICC).
Il-ħitan tas-sejjieħ huma mibnija mill-ġebel tax-xagħri li ħafna drabi jinstab fl-għelieqi. Dan il-ġebel m’huwiex tal-franka iżda taż-żonqor tal-wiċċ, magħruf bħala tax-xagħri, li hu iebes ħafna u li ma tiġrilu l-ebda ħsara mill-elementi. L-għodda li tintuża għall-bini tal-ħitan hi l-imterqa u ftit spag jew injam.
Il-Ministru Ninu Zammit qal li korsijiet simili jagħtu spinta lil din is-sengħa li fl-aħħar snin naqset mill-popolarita’ tagħha. F’dan l-ewwel kors minn tlieta għal din is-sena, qegħdin jipparteċipaw 55 persuna. Dawn qegħdin jingħataw it-taħriġ neċessarju minn għalliema kwalifikati.
Filwaqt li ngħaqad ma’ numru ta’ ħaddiema u scouts, il-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura fakkar li matul l-2004, aktar minn 300 persuna attendew għal dan il-kors. Ħaddiema mit-Taqsima tax-Xogħlijiet li attendew il-kors, ħallew riżultati pożittivi fil-proġetti tax-Xarolla fiż-Żurrieq, Dawret il-Gżejjer, Buġibba u fil-‘camping site’ ta’ Għajn Tuffieħa fejn bnew metri twal ta’ ħitan tas-sejjieħ. Il-Ministru Zammit faħħar l-inizjattiva li ħadu ż-Żurrieq Scouts li qed jabbinaw it-taħriġ fis-sengħa tal-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ ma’ ‘Rubble Wall Builder badge’.
Il-BICC flimkien mal-Perit Elizabeth Ellul u Klabb Kotba Maltin għadu kif ippubblika ktieb rigward il-ħitan tas-sejjieħ. Dan jinkludi l-aspett storiku, il-metodi ta’ kostruzzjoni, studju komparattiv fuq is-sengħa u aspetti legali. Dan il-ktieb għandu jkun ta’ interess għal dawk kollha li jridu jħarsu x-xena rurali ta’ pajjiżna u jżommu ħajja din is-sengħa tant importanti għal pajsaġġ tagħna lkoll.
Il-Ministru Ninu Zammit awgura li dawn l-inizjattivi minn naħa tal-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura, jwasslu għal kuxjenza ikbar sabiex tingħata l-ħajja s-sengħa ta’ bini tal-ħitan tas-sejjieħ. Dan għandu jkun ħolqa ma’ bosta inizjattivi oħra li qed iniedi l-Gvern għal ambjent aħjar f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946