FESTA TAL-LOGĦOB TAN-NAR GĦAR-RABA’ SENA KONSEKUTTIVA
L-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta qed torganizza r-raba’ edizzjoni tal-Festival Malti tal-Logħob tan-Nar bejn id-29 u t-30 ta’ April fil-Port il-Kbir. Dan il-festival qed jiġi organizzat bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ l-ewwel anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Il-Malta Fireworks Festival sar parti importanti mill-kalendarju ta’ attivitajiet organizzati mid-Direttorat ta’ l-Ippjanar tal-Prodott u Żvilupp ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta .
Il-programm tal-logħob tan-nar għal din is-sena se jinkludi xogħlijiet minn tliet kmamar tan-nar: Santa Marija ta’ l-Imqabba; San Mikiel ta’ Ħal-Lija u l-15 ta’ Awissu tal-Mosta; ġigġifogu, wirja mill-Orzella Fireworks Factory ta’ l-Italja u wirja awdjo viżiva ta’ “The Great Siege of Malta” li tinkludi projezzjoni fuq Forti Sant’Anġlu, effetti tad-dwal u effetti speċjali tal-logħob tan-nar. Ser ikun hemm ukoll logħob tan-nar b’tema Ewropea.
Matul iż-żewġ iljieli t-tliet fabbriki tal-logħob tan-nar se juru l-kapaċita’ tagħhom permezz ta’ sistema teknoloġika avvanzata “FireOne” deskritta min-New York Times bħala l-photoshop tad-dinja tal-logħob tan-nar – li ġiet impurtata f’Malta minn Pyro Limited u se tkun imnedija għall-ewwel darba f’dan il-festival. Il-logħob tan-nar se jkun sinkronizzat ma’ kanzunetti popolari bħal ‘The Prayer’ ta’ Andrea Bocelli u Celine Dion, ‘The Phantom of the Opera’, ‘Miserere’ u mużika oħra popolari klassika u pop.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura nieda dan il-festival waqt konferenza stampa fil-Forti Sant’Jiermu. “Il-festi jagħmlu lil Malta aktar Maltija. Il-logħob tan-nar hu parti essenzjali mill-festi u għalhekk festivals bħal dan tal-logħob tan-nar huma ta’ min jinkoraġġihom.” Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan it-tip ta’ avvenimenti jogħġbu lill-Maltin u jattiraw lejhom l-għexiren ta’ eluf ta’ viżitaturi li jkunu f’pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech saħaq fuq l-importanza li t-turist li jiġi f’pajjiżna jkollu l-aqwa esperjenza. B’hekk inkunu qed nagħmlu minn dan it-turist l-aqwa ambaxxatur għal pajjiżna. F’dan il-qafas huwa importanti li nuru l-aqwa li għandu x’joffri pajjiżna. Ċertament, fil-qasam tal-piroteknika, pajjiżna għandu biex jiftaħar. Meta mbagħad wieħed jgħaqqad il-logħob tan-nar mas-sbuħija tal-Port il-Kbir, żgur li toħroġ esperjenza unika u li tibqa’ tiftakarha.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946