JINGĦATA GIEĦ LILL-ĦADDIEM TAS-SENA FL -ISPTAR MONTE CARMELI
Huwa ġust li jingħata rikonoxximent lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li ta’ kuljum iwettqu ħidmithom favur il-pazjent. Ħidma li fil-maġġior parti tagħhom iwettquha fis-skiet, b’dedikazzjoni u b’imħabba kbira.
Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità, Louis Deguara waqt il-premjazzjoni tal-Ħaddiem tas-Sena fl-isptar Monte Carmeli. Din hija it-tieni sena li l-management ta’ l-isptar qiegħed jagħti dan il-ġieħ.
Din is-sena ġew nominati tliet ħaddiema, tnejn minnhom innominati mill-kollegi tagħhom filwaqt li l-management ta’ l-isptar għamel nominazzjoni oħra. Il-Bord ta’ l-Għażla kien kompost minn persuni li m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ l-isptar.
Dawn il-ħaddiema ġew nominati għaliex matul is-sena urew dedikazzjoni, impenn u inizjattiva li tmur lil hemm mid-doveri tagħhom. Fl-istess okkażjoni 43 ħaddiem fl-isptar ġew mogħtija tifkira wara li rtiraw mix-xogħol matul is-sena li għaddiet. Din it-tifkira turi l-apprezzament tal-management kif ukoll tal-pazjenti għall-snin twal ta’ ħidma biex ikun jista’ jingħata servizz ta’ kwalità lil dawk il-persuni rikoverati fl-isptar Monte Carmeli.
Din is-sena il-premju ngħata lis-Sinjura Marion Saliba li wettqet snin twal ta’ ħidma ma’ tfal u żgħażagħ li jkunu għall-kura fl-isptar Monte Carmeli. Is-Sinjura Saliba għandha f’idejha l-kura ta’ dawn iż-żgħażagħ, u d-dedikazzjoni u l-imħabba tagħha jixbhu ħafna lil dawk ta’ omm lejn uliedha. Din l-imħabba hija ta’ għajnuna fil-fejqan taz-żgħażagħ fdati f’idejha. Fil-ħidma tagħha ta’ kuljum is-Sinjura Saliba taħdem viċin ħafna mal-qraba ta’ dawn iż-żgħażagħ, halli b’hekk jitnaqqas kemm hu possibli ż-żmien li dawn idumu għall-kura fl-isptar. Barra minnhek is-Sinjura Saliba hija ta’ eżempju għall-kollegi tagħha, u tgawdi r-rispett kbir min naħa tal-management.
Il-Ministru Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità, ippreżenta l-premju tas-sena lis-Sinjura Saliba u ferħilha għal dan il-ġieħ li ngħatalha. Huwa qal li huwa ġust li l-ħaddiema jiġu rikonoxxuti għal-ħidma tagħhom mal-pazjenti. Filwaqt li s-Sinjura Saliba ddistingwit ruħha f’xogħolha, hu kien ċert li hemm bosta ħaddiema oħra li jwettqu xogħolhom jum wara l-ieħor b’sens kbir ta’ dedikazzjoni u imħabba.
Il-Ministru kompla li fl-isptar Monte Carmeli qed isiru tibdiliet kbar kemm fil-pratiċi ta’ kura kif ukoll f’dawk amministrattivi. Il-management ta’ l-isptar qiegħed jieħu diversi inizjattivi biex iressaq lill-pubbliku lejn dan l-isptar u b’hekk titneħħa l-istigma li ftit jew wisq għandu dan l-isptar. L-okkażjoni tal-lum hija eżempju ta’ dan.
Fl-aħħarnett il-Ministru rringrazzja lil dawk il-ħaddiema li spiċċaw matul is-sena li għaddiet u awguralhom li l-irtirar tagħhom mill-ħajja tax-xogħol ma jwaqqafhomx min aktar ħidma għall-benefiċċju tas-soċjetà.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946