PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI DWAR L-EBUSINESS ACTION PLAN
L-eBusiness Action Plan għandha twassal biex il-komunità kummerċjali f’Malta tibda’ dejjem aktar tuza t-teknoloġiji moderni biex issaħħah in-negozju tagħha.” – Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo
Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed Edwin Vassallo, waqt laqgħa ma’ numru ta’ self-employed, faħħar l-inizjattiva meħuda mill-Ministru għall-Investiment, l-Industrija u t-Teknoloġija, Austin Gatt, li fassal proċess ta’ konsultazzjoni mal-komunità kummerċjali dwar l-eBusiness Action Plan. Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “bħalma l-Gvern qiegħed iħabrek l-iżvilupp fis-servizzi infrastrutturali madwar Malta u Ghawdex, f’dak li huma toroq, servizzi u żvilupp ta’ żoni industrijali, fl-istess ħin il-Gvern qiegħed ukoll jaħdem biex isaħħah l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni permezz ta’ l-internet u l-eCommerce.
“B’din il-ħidma kollettiva tal-Gvern, qiegħda tissaħħah mhux biss l-infrastruttura tal-komunikazzjoni permezz ta’ bini ta’ toroq ġodda, iżda wkoll, permezz ta’ żviluppi teknologiċi li qed jintuzaw minn bosta imprendituri, kemm zgħar, kif ukoll kbar, Malta qed tiżviluppa kummerċ elettroniku b’sahhtu. Numru ta’ negozji mhux biss għandhom sit tagħhom fuq l-internet, iżda joffru wkoll servizzi bħal xiri online, u customer care.” Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “tajjeb li dan it-tip ta’ kummerċ ikompli jiżdied, biex negozji Maltin ikunu aktar aċċessibbli u esposti, mhux biss għall-Maltin, li jkunu aktar konxji tal-prodotturi Maltin u Għawdxin, iżda wkoll għall-barranin li jistgħu jsibu l-informazzjoni kollha li jixtiequ dwar prodotti Maltin mill-kumdita` ta’ darhom u jkunu jistghu jixtru prodotti Maltin minn barra minn Malta.
Mill-1 ta’ Mejju 2004 is-suq Malti nfetaħ għal suq Ewropew, fejn negozjanti Maltin setgħu jattiraw suq magħmul minn 25 pajjiz, u bil-kummerċ permezz ta’ l-internet, huwa dejjem iżjed faċli għal negozji Maltin biex ikunu jistgħu jilħqu dan is-suq. Issa huma n-negozjanti nfishom li jridu jieħdu l-inizjattiva u jaraw li jaħdmu biex in-negozju tagħhom ikun fuq quddiem.
L-Onor. Vassallo qal li “l-inizjattivi favur it-tisħieh tat-teknoloġija fost l-intrapriżi jagħmlu parti mill-aġenda ta’ Lisbona, kif jidher ukoll fiċ-Ċarter Ewropew għall-Intrapriżi Żgħar fejn it-tisħih tal-kapaċitajiet teknologiċi ta’ l-intrapriżi ż-żgħar, kif ukoll it-titjib ta’ l-aċċess permezz ta’ l-internet huma objettivi li jridu jintlaħqu mill-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea.”
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo temm jgħid li “għalhekk nilqa’ b’sodisfazzjon dan il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-eBusiness Action Plan, għaliex il-Gvern mhux biss qed juri li kull ma jmur dejjem qiegħed isaħħah il-proċess ta’ konsultazzjoni, iżda wkoll qed jaħdem bis-sħiħ biex l-intrapriżi Maltin ikunu fuq quddiem fl-użu ta’ l-aħħar teknoloġiji. B’dan l-iżvilupp nistenna li l-kummerċ f’pajjiżna jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jikkompeti u jiżdied.”
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946