INVESTIMENT QAWWI F’PROĠETTI TA’ ŻVILUPP U RIĠENERAZZJONI
Il-Ministri Dolores Cristina u Jesmond Mugliett illum għamlu mawra madwar Pembroke biex jagħtu informazzjoni dwar proġetti tal-Gvern fl-inħawi.
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali Dolores Cristina qalet li Gvern qiegħed ikompli b’investiment qawwi ġewwa Pembroke bil-bini ta’ akkommodazzjoni mill-Awtorita’ tad-Djar. “F’dawn l-aħħar seba’ snin ġew żviluppati ħames siti u nbnew appartamenti u maisonettes ġodda bi spiża totali ta’ kważi hames miljun lira,” qalet il-Ministru Cristina. “Sas-sajf li ġej għandha toħroġ sejħa għall-offerti għall-bini ta’ 64 appartament ġdid iehor bi stima ta’ 1.6 miljun lira. Dan ix-xogħol mistenni jinbeda aktar tard din is-sena,” kompliet tgħid il-Ministru. Żewg blokki ġa għandhom in-nies joqogħdu fihom, filwaqt li sa xahar ieħor se jkunu tlestew il-kumplament ta’ 136 maisonettes u 165 appartament. Minn dawn, 84 appartament huma attrezzati bis-solar water heaters. B’dan il-mod, il-Gvern qed iservi ta’ eżempju dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent, waqt li l-konsumatur jkun qed jiffranka l-elettriku.
Sittax mill-appartamenti ta’ Pembroke ngħataw għall-kiri b’sussidju li jinħadem skond id-dħul u ċ-ċirkostanzi ta’ l-individwi, filwaqt li l-bqija tal-bini nbiegħ b’sussidju ta’ 33% fuq il-prezz tas-suq. Madankollu, il-valur reali fis-suq huwa ogħla peress li Pembroke hija żona mfitxija mix-xerrejja tal-proprjeta’. 55% ta’ l-akkomodazzjoni nbiegħet lill-familji bi tfal, inkluż dawk b’ġenitur wieħed, 30% lill-għarajjes, 10% lill-persuni b’diżabilta’ u 5% lill-ġuvintur jew xebbiet fuq it-30 sena. L-appartamenti u l-maisonettes kollha setgħu jinxtraw bil-garage magħhom. Il-Ministru Cristina qalet li fil-ġimgħat li ġejjin se jinbeda xogħol fuq il-landscaping taż-żona ta’ madwar il-blokki l- ġodda tal-bini. Dan se jinkludi t-tneħħija ta’ materjal li ntefa’ ħdejn il-bini l-ġdid u l-ground tal-football.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li bħal issa l-ADT għaddejja b’xogħol fuq żewġ toroq importanti f’Pembroke u Paceville, biż-żewġ proġetti qed jiġu finanzjati mill-budget tal-Gvern.
Aktar kmieni din il-ġimgħa beda x-xogħol fuq Triq il-Mediterran minħabba li l-kundizzjoni tagħha kienet iddeterjorat konsiderevolment. Din it-triq hija twila madwar 850 metru u l-proġett ser jiswa’ mas-Lm60,000. Ix-xogħol fuq din it-triq, li jinkludi wkoll it-tqegħid ta’ servizzi mill-Maltacom u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-bini tal-bankini u l-għoti ta’ wiċċ ġdid tat-tarmak mhux mistenni jdum għaddej aktar minn seba’ ġimgħat.
Intant daħal fit-tieni ġimgħa tiegħu x-xogħol fuq Triq San Ġorġ li hija triq ewlenija li mill-Bajja ta’ Spinola twassal lejn Paċeville u Triq Reġjonali. Ix-xogħol fuq sezzjoni ta’ 475 metru minn din it-triq mistenni li jitlesta fi żmien disa’ ġimgħat u minbarra t-tqegħid ta’ tarmak ser jinkludi l-bini mill-ġdid tal-bankini u xogħlijiet estensivi fuq is-servizzi. Il-proġett ser jinvolvi spiża ta’ Lm120,000.
“Din iż-żona ta’ Malta fiha taħlita ta’ oqsma differenti li kollha huma importanti għall-poplu tagħna. F’tul ta’ tliet kilometri issib turiżmu, konċentrazzjoni għolja ta’ interessi kummerċjali, oqsma residenzjali, postijiet ta’ divertiment.
“Dan il-fatt jiġġustifika l-attenzjoni partikolari li l-Gvern qed jagħti lil dawn l-inħawi - ibda mix-xogħol li qed isir fi Triq San Ġorg fil-Bajja ta’ Spinola, il-proġett ta’ tisbiħ ta’ Paceville, it-tisbiħ tal-Bajja ta’ San Ġorġ, il-proġetti tal-housing f’Pembroke u t-tisbiħ taż-żoni residenzjali, u spiċċa f’dan il-proġett fi Triq il-Mediterran.
“Dawn il-proġetti ma tridx tħares lejhom individwalment. Meta tarhom fil-kumpless tagħhom joħroġ ċar l-impenn ta’ Gvern jtejjeb il-kwalità ta’ ħajja tal-poplu li jmiss ma’ din iż-żona,” temm jgħid il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946