TISĦIĦ TAL-QASAM TA’ L-ARTIĠĠJANAT F’GĦAWDEX: INVESTIMENT TA’ KWAŻI €700,000
Il-qasam ta’ l-artiġġjanat f’Għawdex se jingħata spinta qawwija permezz ta’ proġett li jinvolvi l-investiment ta’ kważi €700,000. Dan qalitu dalgħodu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, meta żaret iċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġġjanat Wistin Camilleri, f’Għajnsielem.
Il-Ministru Debono spjegat kif żona mhux utilizzata f’dan iċ-ċentru se tiġi żviluppata biex fiha jinbena l-ewwel Ċentru għall-Iżvilupp ta’ l-Artiġġjanat (Crafts Development Centre) f’Għawdex. Dan il-proġett se jinkorpora fih diversi units li jiġu wtilizzati minn artiġġjana lokali li jixtiequ jiftħu negozju tagħhom f’dan il-qasam. Flimkien ma’ dawn il-units, iċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta’ l-Artiġġjanat jaħseb ukoll għal diversi workshops, sala multi-purpose kif ukoll spazju amministrattiv sabiex iċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġġjanat Wistin Camilleri (dik li kienet l-Iskola ta’ l-Arti) jiġi estiż bil-possibilita’ li jiżdiedu l-korsijiet li qed jiġu offruti hawnhekk.
Dan il-proġett huwa ntiż sabiex jissaħħaħ il-qasam ta’ l-artiġġjanat f’Għawdex, qasam li jista’ jkun sors ta’ iktar mpjiegi fil-gżira. Permezz ta’ dan il-proġett, sottomess mill-Ministeru għal Għawdex għal ko-finanzjament mill-Fondi Strutturali taħt il-Prijorita’ ta’ Għawdex, jissaħħu l-istrutturi preżenti li jippermettu tagħlim dwar diversi ħiliet marbuta ma’ l-artiġġjanat.
Il-proġett qiegħed jaħseb biex dawk li jsegwu korsijiet hawnhekk bil-għan ta’ delizzju, ikunu jistgħu jibqgħu jipprattikaw snajja’ permezz ta’ iktar possibilitajiet.
Il-proġett jaħseb ukoll għal dawk li jkunu jixtiequ jutilizzaw is-snajja’ li jkunu tgħallmu hawnhekk biex jiftħu n-negozju tagħhom filwaqt li jinkoraġixxi iktar residenti t’Għawdex sabiex jieħdu l-artiġġjanat bħala karriera.
Bħala parti minn dan il-proġett, se jitwettaq studju li jidentifika l-ħtiġijiet biex titwaqqaf struttura li tiċċertifika l-prodott artiġġjanali maħdum f’Għawdex.
Dan il-proġett qed isir permezz tal-Fondi Strutturali għal Malta għall-perijodu 2004-2006, permezz ta’ ko-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. S’issa nħadem l-Economic & Financial Feasibility Study filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tiġi ppubblikata s-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet.
Iċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġġjanat Wistin Camilleri beda jopera f’Diċembru 1989. Illum joffri 24 kors differenti lil iktar minn 1,000 student ta’ kull eta’ f’Għawdex stess. Dan iċ-ċentru se joffri wkoll numru ta’ korsijiet, li wkoll se jsiru permezz tal-Fondi Strutturali għal Malta għall-perijodu 2004-2006, din id-darba ko-finanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew. Is-sejħa għall-offerti għall-immaniġġjar u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-korsijiet tinsab miftuħa sa nhar it-Tlieta 8 ta’ Marzu.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946