L- ISKOLA FL-IMQABBA
Il-Gvern qed jinvesti qrib terz ta’ miljun lira biex jimmodernizza l-iskola primarja ta’ l-Mqabba u jibni sala ġdida għal attivitajiet edukattivi, sportivi u kulturali mit-tfal, żgħażagħ u l-komunità.
L-ewwel fażi tal-proġett inbdiet fis-sajf li għadda u tikkonsisti fil-bini mill-ġdid ta’ ħames klassijiet ġodda, kamra għall-istaff ta’ l-iskola, kamra għall-Assistant Head, toilets ġodda għat-tfal u staff. B’din l-estensjoni ġdida l-ispazju tal-bini ta’ l-iskola żdied b’ 250 metru kwadru. Ix-xogħol f’din il-parti jinkludi l-istallazzjoni mill-ġdid tas-sistemi mekkaniċi, ta’ l-elettriku u tal-kompjuters. Saru wkoll xogħlijiet ta’ kisi u tibjid, tqegħid ta’ madum, twaħħil ta’ soffitti u twaħħil ta’ aperturi ta’ l-injam u aluminium. Dawn ix-xogħlijiet kollha saru fi żmien rekord ta’ tlett xhur u nofs fil-vaganzi tas-sajf li għadda u l-klassijiet il-godda diga` qed jintużaw.
F’Settembru li għadda nbdiet it-tieni fażi tal-proġett li tikkonsisti fil-bini ta’ sala ġdida li tesa’ 400 ruħ. Is-sala se jkollha foyer, toilets u changing rooms kif ukoll lift li se jservi kemm għall-iskola kif ukoll għas-sala u basement imdaqqas. Din is-sala se sservi għall-bżonnijiet edukattivi, sportivi u kulturali ta’ l-iskola kif ukoll tal-komunità ta’ l-Imqabba. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni tas-sala issa wasal fi stadju avvanzat u mistenni li jitlesta fi żmien ftit ġimgħat oħra. Wara jinbdew xogħlijiet oħra li jikkonsistu fl-istallazzjoni ta’ sistemi mekkaniċi u ta’ l-elettriku, xogħlijiet ta’ kisi u tibjid, tqegħid ta’ madum, twaħħil ta’ soffitti kif ukoll twaħħil ta’ aperturi ta’ l-injam u aluminum. Din il-fażi tinkludi wkoll librerija moderna tal-komunità u klassi għall-użu ta’ l-iskola. Is-sala u l-ispazji anċillari mistennija li jkunu lesti sa l-aħħar ta’ din is-sena.
Barra minn hekk il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni ħaseb biex jakkwista biċċa art ta’ madwar 3,500 metru kwadru fuq wara ta’ l-iskola biex tiżdied ma’ l-faċilitajiet ta’ rikreazzjoni eżistenti.
It-tielet fażi tal-proġett se tkun tikkonsisti fit-titjib u l-immodernizzar ta’ l-iskola eżistenti u landscaping tal-ġonna u l-faċilitajiet rikreattivi li għandha biex l-iskola kollha tkun iġġeddet. Fost l-oħrajn, ix-xogħol jikkonsisti fi bdil ta’ l-istallazzjoni tas-servizzi mekkaniċi u ta’ l-elettriku, kisi u tibjid, bdil ta’ aperturi, bdil ta’ madum u twaħħil ta’ soffitti. Dawn ix-xogħlijiet bilfors iridu jsiru fil-perjodu qasir tal-vaganzi tas-sajf u mistennija li jibdew is-sena id-dieħla.
Meta żar ix-xogħlijiet li qed isiru fl-iskola ta’ l-Imqabba l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni qal li f’din l-iskola biss il-Gvern se jkun wettaq investiment stmat qrib terz ta’ miljun lira biex tinbena sala ġdida, tiġi modernizzata l-iskola kollha, u jiżdiedu b’mod sostanzjali l-faċilitajiet edukattivi, rikreattivi, sportivi u kulturali għall-istudenti u għall-komunità. Louis Galea qal li dan hu biss wieħed mill-proġetti li qed twettaq il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) biex l-iskejjel kollha tal-Gvern jiġu mmodernizzati għall-aqwa standards.
Louis Galea qal li fl-aħħar sena l-FTS ħadmet fuq aktar minn 34 skola primarja u sekondarja kif ukoll fuq tlett skejjel speċjali. Minbarra l-proġett fl-iskola ta’ l-Imqabba, il-Fondazzjoni qed taħdem fuq proġetti kbar oħra li jinkludu l-iskola ta’ Ħal-Luqa u l-Iskola l-ġdida tal-Karwija. L-FTS qed taħdem ukoll biex kemm jista’ jkun malajr jibdew jinbnew żewġ skejjel ġodda oħra, waħda fil-Mosta u oħra f’Pemborke. Louis Galea qal li l-Gvern permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed iwettaq investiment kbir fl-infrastruttura edukattiva tal-pajjiż u hu impenjat biex jagħti lill-pajjiżna l-aħjar skejjel li l-Istat jista’ jkollu. Is-sena li għaddiet il-Gvern investa aktar minn Lm 1.2 miljun f’xogħlijiet f’diversi skejjel minbarra l-investiment li fil-proġetti l-kbar bħal dak fl-iskola tal-Karwija fejn sar xogħol ta’ madwar Lm 1m u l-iskola ta’ Ħal-Luqa fejn sar xogħol stmat nofs miljun.
Il-Gvern hu impenjat li jgib titjib qawwi u viżibbli f’kull skola madwar il-pajjiż biex l-iskejjel kollha tal-Gvern ikollhom ambjent ta’ l-għola kwalità fl-aqsar żmien possibbli.
Mit-tagħrif li tat il-Kap ta’ l-iskola Ms Bernardette Azzopardi jirriżulta li bil-ħidma tat-tim ta’ għalliema l-iskola ta’ l-Imqabba, b’popolazzjoni ta’ 250, qed timxi sew mal-Kurrikulu Nazzjonali. “F’dawn l-aħħar 6 snin l-iskola bdiet tiżviluppa metodi ġodda ta’ tagħlim li jirriflettu żviluppi ġodda dwar kif jitgħallmu t-tfal. L-iskola qed tiffoka fuq issues bħall-litteriżmu, l-iżvilupp tat-tagħlim, l-ambjent tat-tagħlim u l-istima ta’ l-istudenti. Il-pjan ta’ żvilupp ta’ l-iskola qed jiffoka fuq metodi ta’ assessjar mibnija fuq il-fatt li t-tfal jitgħallmu b’mod differenti u l-bżonn li t-tfal ikunu jafu kif marru u fejn żbaljaw. L-iskola temmen bis-sħiħ li t-tfal huma kapaċi jitgħallmu minn twelidhom u b’hekk tagħti importanza lill-familja fit-tagħlim tat-tfal. Għal din ir-raġuni l-ġenituri huma mistiedna li jistabilixxu kuntatt ma’ l-iskola minn meta t-tfal ikollhom biss sena, biex b’hekk jibdew jidraw l-ambjent ta’ l-iskola u lill-għalliema.”
Louis Galea sostna li l-iskola ta’ l-Imqabba hi mpenjata li tiżviluppa f’ċentru ta’ tagħlim fil-komunità. L-iskola diġà torganizza diversi open-days u attivitajiet fejn l-istudenti jaqsmu mal-komunità dak li jkunu tgħallmu. It-temi magħżula jirriflettu l-impenn ċiviku ta’ l-iskola f’oqsma bħal l-ambjent, il-wirt kulturali u t-teknoloġija. Dawn l-attivitajiet bil-parteċipazzjoni tat-tfal, tal-ġenituri u ta’ l-għalliema jimmotivaw lill-istudenti u jkattru t-tagħlim fil-komunità. L-iskola li tinsab viċin ir-riservi ta’ l-ilma li jinsabu f’Ta’ Kandja qed taħdem fuq proġett dwar l-ilma ma’ skejjel Ewropej fil-programm Comenius.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946