IL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN IWIEĠEB GĦALL-KUMMENTI TA' L-U.N.H.C.R.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jirreferi għall-kummneti li Laura Boldrini, rappreżentanta ta’ l-U.N.H.C.R., tat lill-sezzjoni ta’ l-istampa u li kienet ippublikata llum, 2 ta’ Marzu.
Huwa minnu li Malta għandha politika ta’ detenzjoni, kif għandhom xi pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. F’Malta din hija liġi li ilha fis-seħħ għal dawn l-aħħar 35 sena. B’dankollu, il-U.N.H.C.R. bdiet tikkummenta dwar il-politika ta’ detenzjoni f’dawn l-aħħar tnax-il xahar.
Wieħed irid jiftakar li Malta hija l-iżgħar stat fl-Ewropa, bl-ikbar densita’ ta’ popolazzjoni u għalhekk, iċ-ċirkustanzi tagħha huma partikolari. L-Awstralja, kontinent li hija 24,000 darba d-daqs ta’ Malta , ukoll ilha tħaddan politika ta’ detenzjoni għal għadd ta’ snin.
Kif qalet stqarrija maħruġa mill-istess U.N.H.C.R., Malta , minkejja li qed titħabat biex tiffaċċja l-problema ta’ immigrazzjoni rregolari għandha waħda mill-ogħla rati ta’ aċċettazzjoni fl-Ewropa b’35% ta’ immigranti rregolari li jitolbu azil jingħataw xi forma ta’ protezzjoni, jew bħala refugjati jew bħala persuni bi bżonn ta’ protezzjoni umanitarja.
Malta , minkejja ċ-ċokon tagħha u kontra dak li jagħmlu xi pajjiżi ferm ikbar, uħud anki fl-Unjoni Ewropea, ma’ tkeċċix lil dawk li qed ifittxu azil waqt li l-każ tagħhom ikun għadu fi stadju ta’ appell; u l-anqas tqis bħala att kriminali l-fatt li xi ħadd jidħol f’Malta mingħajr dokumenti.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern ikun grat jekk il-U.N.H.C.R. tuża l-influwenza tagħha biex tgħin lil Malta tikseb għajnuna finanzjarja mingħand l-Unjoni Ewropea.
Il-U.N.H.C.R. tista’ tgħin ukoll billi terġa’ tibda tagħti l-allowances lil refuġjati u persuni li ngħataw protezzjoni qabel is-sena 2001, liema għajnuna finanzjarja twaqqfet ħesrem mill-U.N.H.C.R. is-sena li għaddiet.
Malta tittama li fil-futur, ikun hemm iktar koperazzjoni ma’ l-U.N.H.C.R. biex jiġu ssettiljati f’pajjiżi oħra dawk li qed ifittxu azil.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946