SERVIZZ ĠDID TA’ EGOVERNMENT
llum ġew mnedija numru ta’ servizzi ġodda ta’ Gvern elettroniku, servizzi li huma pprovduti mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-istatistika. Dawn is-servizzi li huma pprovduti minn fuq il-website il-ġdida ta’ l-NSO www.nso.gov.mt ġew deskritti mill-Ministru Austin Gatt bħala eċċellenti u ta’ utilità kbira.
Il-Ministru Austin Gatt faħħar l-impenn u l-inizjattiva tas-Sur Alfred Camilleri, Direttur Ġenerali ta’ dan l-uffiċċju kif ukoll tan-nies tiegħu. Huwa saħaq li jkun tajjeb li fi ħdan is-settur pubbliku jkun hemm l-istess impenn u inizjattiva tas-Sur Camilleri, għax b’hekk inkunu nistgħu tassew insiru l-iktar pajjiż avvanzat fl-Ewropa, f’dak li għandu x’ jaqsam ma’ eGovernment. Il-Ministru Gatt enfasizza l-ħtieġa li nħarsu lejn it-teknoloġija fil-kuntest tar-rwol importanti tad-disseminazzjoni ta’ l-informazzjoni.
Minn naħa tiegħu id-Direttur Ġenerali ta’ l-NSO, Alfred Camilleri, filwaqt li fakkar li d-Dipartiment ta’ l-Istatistika kien l-ewwel dipartiment li kellu preżenza fuq l-internet, inħasset il-ħtieġa li s-servizzi pprovduti jiġu msaħħa u mtejba permezz ta’ kullana ta’ servizzi li qed jiġu pprovduti f’ dan is-sit ġdid. Is-servizzi l-ġodda jinkludu aċċess għall-minjiera ta’ informazzjoni, minn statistika għall-informazzjoni u analiżi. Apparti minn hekk is-servizzi mnedija jinkludu wkoll il-possiblità li persuna tkun tista’ tordna pubblikazzjoni li jinħarġu mill-istess dipartiment.
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, Tonio Fenech, fisser l-importanza ta’ l-istatistika anke fid-dawl tal-fatt li pajjiżna illum huwa membru ta’ l-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946