INĦARSU L-WIRT STORIKU GĦALL-ĠENERAZZJONIJIET FUTURI
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li pajjiżna kellu x-xorti li kien f’qagħda strateġika f’nofs il-baħar Mediterran li għal bosta sekli kien maħsub li kien il-baħar li madwaru kienet iddur id-dinja. Kien magħruf ukoll bħala l-Baħar tan-Nofs. Il-Mediterran kien ukoll il-benniena taċ-civiltà u għalhekk ma kienx jonqod li aħna konna wkoll fiċ-ċentru ta’ din iċ-ċiviltà. Il-Ministru kien qed indirizza seminar dwar id-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna
Francis Zammit Dimech qal li l-qagħda strateġika ta’ pajjiżna wasslet biex kwalunkwe nazzjon li tul is-sekli ħakem id-dinja magħrufa ħakem ukoll lil Malta . Dan wassal biex l-istorja ta’ pajjiżna nbniet tul 7,000 sena u tmur lura għaż-żmien Neolitiku: 5,200 sena QK. Francis Zammit Dimech qal li wara ż-żmien Neolitiki Malta kienet maħkuma mill-Feniċi, ir-Rumani, il-Biżantini, l-Għarab, in-Normanni, l-Anġenani u l-Aragonisi, il-Kavallieri ta’ San Ġwann, il-Franċiżi u l-Ingliżi. Hu qal li t-tempji tal-Ġgantija f’Għawdex kienu elf sena aktar qodma mill-Piramidi ta’ l-Eġittu u 2000 sena aktar qodma minn Stonehenge . Hu qal li l-pjan ta’ Skorba juri b’mod distint sew ix-xewqa, kif ukoll il-mod li jkun hemm ordni fl-arkitettura. Francis Zammit Dimech qal li bir-raġun kollu hemm minn isostni li l-ordni fl-arkitettura twieled fil-gżejjer Maltin żmien twil ilu!
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dawk kollha li ħakmuna ħallew marka fuq l-istorja ta’ pajjiżna, fuq il-bini ta’ pajjiżna, fuq il-lingwa tagħna, fuq id-drawwiet tagħna, fuq il-mod kif ngħixu. Francis Zammit Dimech qal li Malta hi mużew wieħed ta’ storja li rridu nħarsu l-ewwelnett għalina, u mbagħad għal uliedna u għall-umanità. Hu qal li f’dan ir-rigward Malta għandha diversi siti li ġew dikjarati mill-UNESCO bħala siti dinjija ta’ wirt storiku. Dawn jinkludu l-belt Valletta kollha, l-Ipoġew tal-Ħal Saflieni u t-tempji Neolitiċi. Hu qal li hemm siti oħra li jistgħu jiġu inklużi bħala siti ta’ wirt dinji li jinkludu l-belt ta’ l-Imdina u l-fortifikazzjonijiet tal-Port il-Kbir flimkien mat-2.6 kilometri tal-Linji ta’ Swar tal-Kottonera.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan kollu jgħabbina b’responsabbilta’ kbira lejn pajjiżna u lejn id-dinja. Hu qal li l-ħarsien tal-wirt storiku jiswa investimenti kbar. Hu tenna li tul dawn l-aħħar sbatax-il sena nbniet l-infrastruttura biex nirrestawraw u nirriabilitaw il-wirt storiku ta’ pajjiżna, permezz tal-proġetti ta’ Riabilitazzjoni, il-Unit għar-Restawr u ċ-Ċentru ta’ Malta għar-Restawr. Hu qal li twaqqaf ukoll Patrimonju Malti u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Francis Zammit Dimech qal li permezz ta’ dawn l-istrutturi sar investiment ta’ aktar minn Lm65 miljun iżda f’dan is-settur tinvesti kemm tinvesti qatt m’hu biżżejjed.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li id f’id max-xogħol ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna ridna noħolqu struttura li permezz tagħha nikkonservaw dak li għandna, u permezz tat-teknoloġija ta’ l-informatika u l-komunikazzjoni noħolqu politika nazzjonali ta’ diġitalizzazzjoni. Hekk inkunu nistgħu nikkonservaw il-wirt kulturali tagħna b’mod virtwali.
Francis Zammit Dimech ħabbar li kienu qed jiġu abbozzati leġiżlazzjonijiet u policies għad-diġitalizzazzjoni biex hekk niżguraw li jkun hemm proċedura waħda dwar kif għandha titmexxa d-diġitalizzazzjoni.
Il-Ministru għall-Kultura qal li permezz tat-teknoloġija diġitali stajna nkabbru l-aċċess tal-pubbliku għall-wirt storiku ta’ pajjiżna u hekk inkomplu inressquh aktar lejn il-poplu kif dejjem kienet ix-xewqa tagħna. Hu qal li ser inkunu f’qagħda aħjar li nħarsu il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Unjoni Ewropea kienet mhux biss tinkoraġixxi l-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali mal-25 pajjiż ta’ l-Unjoni iżda kienet tikkontribwixxi wkoll finanzjarjament biex jitħares dan il-wirt li kien ġid komuni ta’ l-Ewropa. Hu qal li Malta kienet qed tagħmel l-akbar użu minn dawn il-fondi għaliex kellha wirt vast xi tħares u għalhekk riedet kull għajnuna.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fl-4 ta’ April 2001 rappreżentanti u esperti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri ltaqgħu f’Lund fl-Isvezja biex jiddiskutu kif jikkoordinaw u jżidu valur għall-programmi nazzjonali ta’ diġitalizzazzjoni fuq livell Ewropew. Il-laqgħa ħarġet sett ta’ prinċipji ġenerali li jkopru inizjattivi ta’ diġitalizzazzjoni pubblika u għall-koordinazzjoni tagħhom. Dawn il-prinċipji, magħrufa bħal l-Prinċipji Lund , inbidlu fil-Pjan ta’ Azzjoni Lund. Dawn jistabbilixxi lista ta’ azzjonijiet li riedu jieħdu l-Istati Membri, il-Kummissjoni, u l-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni biex itejjbu d-diġitalizzazzjoni ma’ l-Ewropa kollha.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-2002 twaqqaf il-Proġett Minerva taħt it-tmexxija tal-Ministeru għall-Kultura Taljan. Dan il-proġett jinkludi rappreżentanti ta’ ministeri tal-kultura jew aġenziji ċentrali ta’ l-Istat minn pajjiżi membri ta’ l-UE li għandhom bħala mira komuni dik li jippromwovu sistema u metodoloġija komuni għad-diġitalizzazzjoni ta’ materjal kulturali Ewropew. Il-proġett jirrikonoxxi l-valur uniku tal-wirt kulturali Ewropew.
Francis Zammit Dimech qal li dan is-seminar kien qed jiġi organizzat mill-Patrimonju Malti f’kollaborazzjoni ma’ Acrosslimits bħala parti mill-Proġett MinervaPLUS li kien iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Minerva network hu punt importanti ta’ riferenza li qed jikkoordina d-diġitalizzazzjoni fl-Ewropa. Hu qal li dan il-proġett kien wieħed importanti għalina għaliex joffri panorama dettaljata tal-politika ta’ l-UE fil-qasam, tad-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali fl-Ewropa. Hu qal li bis-sehem tal-pajjiżi kollha membri kienu jaqgħu l-fruntieri nazzjonali u hekk inkunu f’qagħda li naqsmu politika komuni fuq livell Ewropew.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-mira tagħna tibqa’ dik li nibqgħu fuq quddiem net f’soċjetà ta’ għerf fejn permezz tat-teknoloġija ta’ l-informatika mhux biss inħarsu l-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna iżda nassiguraw li kemm f’pajjiżna kif ukoll fost il-24 pajjiż membru ieħor ta’ l-UE ikun magħruf dak kollu li għandna. “L-isfida quddiemna hi li dawn il-ħsibijiet nagħmluhom realtà llum qabel għada. Għalhekk l-appoġġ tagħna għal dan il-proġett ta’ diġitalizzazzjoni hu wieħed sħiħ,” sostna il-Ministru Francis Zammit Dimech.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946