Left arrow Go Back

WIRJA PERMANENTI DWAR L-IMTIEĦEN TAR-RIĦ

PR0282
Date Icon 24/02/2005

L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kellha l-monopolju li tibni l-imtieħen tar-riħ. Fl-1674 il-fondazzjoni Cotoner bdiet ix-xogħol fuq il-bini ta’ imtieħen tar-riħ f’Bormla, Ħaż-Żebbuġ, Naxxar, Żurrieq u tnejn fil-Floriana. Aktar tard l-istess fondazzjoni bniet imtieħen tar-riħ f’Ħal-Lija, iż-Żejtun, il-Gudja u t-tieni mitħna f’Ħaż-Żebbuġ. Fl-1724 il-fondazzjoni Manoel bniet imtieħen fir-Rabat, il-Għargħur, iż-Żurrieq u waħda bejn iż-Żejtun u Ħal Għaxaq. Aktar tard inbniet mitħna oħra f’Malta u tliet f’Għawdex. Lista ta’ mtieħen li kienu jeżistu fil-bidu tad-Dsatax-il Seklu turi li kien hawn f’Malta u Għawdex 26 mitħna tar-riħ proprjeta’ tal-Gvern.  

Maż-żmien ħafna minn dawn l-imtieħen twaqqgħu. Oħrajn għad baqa’ biss l-binja tagħhom. Iżda waħda minn dawn l-imtieħen, dik tax-Xarolla fiż-Żurrieq għadha teżisti fl-istat oriġinali tagħha wara li ġiet restawrata f’żewġ fażijiet: l-ewwel fażi wara l-1998 u t-tieni fażi tul l-aħħar sentejn.

Il-mitħna tax-Xarolla hi waħda mit-tmienja li nbdew mill-fondazzjoni Manoel tul il-ħakma tal-Gran Mastru Manoel de Vilhena. Id-dħul minn   din il-mitħna kien imur għall-manutenzjoni tal-Forti Manoel. Il-mitħna kienet tintuża mill-abitanti taż-Żurrieq u Ħal Safi biex jipproduċu  d-dqiq mill-qamħ biex jinħadem f’ħobż.  

Wara l-ħidma li twettqet mill-Gvern biex irrestawra din il-mitħna, il-katakombi u l-kappella ta’ Sant’Andrija, li nbidlu f’heritage site, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu nvestiet f’wirja permanenti bl-iskop li jkompli jkun żviluppat l-interess fis-sit tal-Mitħna tax-Xarolla u l-attrazzjonijiet oħra li hemm madwarha bl-iskop li dawn ikunu ta’ attrazzjoni għat-turisti.  

Id-Direttorat għall-Iżvilupp tal-Prodott ta’ l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu minbarra għajnuna finanzjarja ta wkoll għajnuna lill-Kunsill Lokali Żurrieq għal dan il-proġett li jikkonsisti f’disa’ panels tal-ħġieġ li jfissru l-istorja tal-imtieħen tar-riħ f’Malta kif ukoll biex saru żewġ bibien tal-ħġieġ fuq ġewwa tal-mitħna.        

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura din il-wirja flimkien mal-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Ninu Zammit.  

“L-istorja ta’ Malta għandha rabta qawwija mal-perijodu twil li fih il-Kavallieri ta’ San Ġwann ħakmu pajjiżna. Dawn mhux biss bnew l-ibliet u dawwruhom bis-swar, mhux biss bnew knejjes u palazzi iżda poġġew ukoll is-sisien għat-tarznari u l-industrja f’pajjiżna. Fost din il-ħidma l-Kavallieri kienu responsabbli għall-bini ta’ l-imtieħen kollha tar-riħ li kellna f’pajjiżna li kienu industrji żgħar għall-produzzjoni tad-dqiq. Meta d-dqiq beda jiġi prodott permezz ta’ makkinarju li jitħaddem bl-elettriku dawn l-imtieħen tar-riħ ma baqgħux jintużaw u spiċċaw inqerdu. Ftit tas-snin ilu permezz ta’ ħaddiema tal-Gvern wettaqna l-ewwel fażi ta’ proġett biex din il-mitħna tiġi restawrata u titħaddem kif kienet oriġinarjament. F’dawn l-aħħar sentejn saret ħidma oħra biex l-inħawi ta’ madwar il-mitħna jiġu restawrati wkoll u biex parti oħra mill-istorja ta’ pajjiżna ma tintilifx u titgawda sew mill-Maltin kif ukoll mit-turisti li jżuruna,” qal il-Ministru Francis Zammit Dimech li rringrazzja lill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu u lill-Kunsill Lokali Żurrieq għal din l-inizjattiva tagħhom.  

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Ninu Zammit filwaqt li faħħar il-kwalita’ tax-xogħol li sar mill-ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura semma li din il-mitħna unika f’pajjiżna issa ngħatat id-dehra li tixirqilha. Il-katakombi u l-oqbra puniċi ta’ madwar il-mitħna huma xhieda ta’ l-istorja kbira li hemm marbuta ma’ din il-mitħna. Huwa fakkar ukoll fix-xogħol li sar fil-kappella  ta’ Sant Andrija u ċ-ċimiterju. Hawn twaqqa’ ħajt li kien jgħatti l-kappella u minflok inbena ħajt bit-talut u sar restawr tal-kappella. Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien ukoll responsabbli għad-dawl li bih il-mitħna, il-katakombi, l-oqbra, il-kappella u ċ-ċimiterju ngħataw dehra totalment differenti. In-numru kbir ta’ Żrieraq u nies tal-madwar flimkien man-numru dejjem jikber ta’ turisti li qegħdin iżuru dan il-park arkeoloġiku żgħir jagħmel kuraġġ lill-ħaddiema tal-Ministeru biex iwettqu aktar proġetti. “Il-ġnien li qed jinbena fi triq San Pawl, f’ġieħ il-bennejja li ħarġu minn dawn l-inħawi, għandu jservi wkoll bħala attrazzjoni għal iktar turisti fiż-Żurrieq,” temm igħid il-Ministru Ninu Zammit.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow