SKEMA GĦALL-GRADWATI U INTRAPRIŻI GĦAWDXIN
Il-Ministeru għal Għawdex bħalissa qed jilqa’ applikazzjonijiet minn gradwati residenti f’Għawdex u minn intrapriżi bbażati f’Għawdex li huma nteressati jipparteċipaw fi skema, magħrufa aħjar bħala l-“Iskema tal-Gradwati”.
Din hija skema speċifika għal Għawdex u tifforma parti mill-proġett “ETC Għawdex - Korsijiet u Skemi” li ser isir permezz tal-Fondi Strutturali għal Malta għall-perijodu 2004-2006, permezz ta’ ko-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew.
X’inhu l-għan ta’ din l-iskema?
L-għan prinċipali huwa li tipprovdi opportunitajiet ta’ xogħol lill-gradwati f’Għawdex u tassisti fl-iżvilupp tal-komunita’ kummerċjali f’Għawdex.
Il-benefiċċji huma:
· Opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex għall-gradwati residenti f’Għawdex
· Riżorsi umani b’livell akkademiku terzjarju għall-benefiċċju ta’ intrapriżi Għawdxin
· Riżorsi umani Għawdxin ta’ livell akkademiku terzjarju jibqgħu f’Għawdex
X’tinvolvi din l-iskema?
Intrapriżi kummerċjali bbażati f’Għawdex, imsejħa “Kumpaniji li Jħaddmu” ser jiġu mgħejjuna biex jimpjegaw gradwati f’Għawdex stess. Din l-iskema hija għal 4 snin.
Matul dan iż-żmien, il-Kumpanija li Tħaddem tagħżel, timpjega u tħallas gradwat/a jew aktar, minn lista ta’ applikanti eliġibbli għal din l-iskema. Is-salarju tal-gradwat jiġi miftiehem bejn il-gradwat u l-Kumpanija li Tħaddem. Taħt din l-iskema, il-Kumpanija li Tħaddem tirċievi parti mis-salarju tal-gradwat/a li jammonta għal Lm39.53 fil-ġimgħa, għall-ewwel sentejn, li jibdew fl-1 t’April 2005.
Il-Kumpanija li Tħaddem tkun marbuta li timpjega u tħallas is-salarju lill-gradwat/a għal perijodu minimu ta’ erba’ snin. Il-gradwat/a j/tintrabat li j/tibqa’ fl-impjieg mal-Kumpanija li Tħaddem għal perijodu minimu ta’ erba’ snin.
Kif jista’ wieħed jipparteċipa?
Il-parteċipazzjoni ssir biss jekk intrapriżi u gradwati japplikaw billi jiktbu lill-ETC f’Għawdex. L-intrapriżi li jixtiequ jipparteċipaw iridu jibgħatu ittra bir-rikjesta tagħhom bil-posta jew permezz ta’ email fl-indirizz: marcelb@etc.org.mt. Il-gradwati jridu jibgħatu covering letter, CV dettaljat, kopja taċ-ċertifikati nkluż id-degree ta' l-Universita', u kopja tal-kondotta tal-Pulizija. Dawn għandhom jaslu għand is-Sur Marcel Bonnici fl-Uffiċċju tal-Korporazzjoni ta’ l-Impjiegi u Taħriġ (ETC), Triq l-Imġarr, Xewkija, Għawdex.
L-applikazzjonijiet li jaslu minn intrapriżi u gradwati nteressati jgħaddu minn proċess preliminari ta’ evalwazzjoni biex jiġi żgurat li huma eliġibbli.
Kumpaniji li Jħaddmu li jkunu eliġibbli jkunu mitluba biex jagħżlu gradwat/a jew gradwati u wara l-gradwat/a jew gradwati magħżul/a jiġu mpjegati mal-Kumpanija li Tħaddem f’Għawdex, bil-kundizzjonijiet imsemmija fuq.
Min jista’ japplika?
· Intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju li huma bbażati f’Għawdex
· Gradwati residenti f’Għawdex li jinsabu mingħajr impjieg u li għandhom degree Universitarju fid-data ta’ l-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, li huma ta’ karattru morali tajjeb u li jkunu jafu tajjeb il-Malti u l-Ingliż.
Sa meta tista’ japplika?
L-applikazzjonijiet jintlaqgħu sa mhux iktar tard minn nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Marzu 2005. Applikazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux ikkunsidrati.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946