SKOLA ĠDIDA F’PEMBROKE MILL-GVERN
Il-bini ta’ skola ġdida primarja f’Pembroke huwa proġett li bdieh il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista u ser jitwettaq minnu għall-ġid tal-komunita` u t-tfal ta’ din il-lokalita`. Mhux veru dak li qal il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li meta kienu fil-Gvern bejn l-1996 u l-1998 kienu bdew pjani biex tinbena skola primarja ġdida f’din il-lokalita`. Mill-ebda dokument fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni ma jirriżulta li l-Partit jew il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista qatt bdew xi xogħol għal skola ġdida f’Pembroke. Issa, għax ġejja l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Oppożizzjoni qed tipprova tirkeb biex forsi tieħu xi mertu mill-proġett tal-Gvern għall-bini ta’ din l-iskola meta ħlief kritika distruttiva ma għamlitx għall-ħidma tal-FTS li hi fdata bit-twettiq tal-bini u immodernizzar ta’ skejjel.
Dan sostnih il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni bi tweġiba għall-kummenti tal-Kap ta’ l-Oppozizzjoni Dr Alfred Sant, waqt konferenza stampa li ta nhar it-Tnejn li għaddew bħala parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Il-fatti huma li l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni permezz ta’ l-FTS issottometta l-ewwel applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ skola primarja ġdida f’Pembroke fl-2002 u l-applikazzjoni iġġib in-numru PA 6669/02. Din l-applikazzjoni saret wara li ġew eżaminati siti differenti fl-inħawi ta’ Pembroke għall-għażla ta’ l-aħjar sit għal din l-iskola. Il-MEPA talbet Environmental Impact Assessment u bħalissa għaddej il-proċess biex dan isir. Sadanittant qed isir xogħol ieħor preparatorju għad-disinji u tifsil ta’ dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-bini ta’ din l-iskola.
Il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista ser jinvesti qrib tliet miljun lira Maltin biex jagħti lit-tfal ta’ Pembroke skola ġdida u mill-isbaħ fil-qalba tal-komunita`. L-iskola ser isservi ukoll ta’ ċentru kulturali u edukattiv għall-komunita` kollha.
Il-Ministru Louis Galea sostna li mill-istrumentalizzazzjoni partiġjana u kritika distruttiva u tfixkil mill-Oppożizzjoni l-komunita` u t-tfal ta’ Pembroke ma jieħdu assolutament xejn.
Min naha tiegħu l-Gvern permezz tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni qed ikompli jaħdem biex iwettaq proġett ieħor ta’ fejda għall-komunita’ ta’ Pembroke.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946