INĊENTIVI FINANZJARJI MOGĦTIJA LILL-INDUSTRIJA F’GĦAWDEX
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, qassmet għotjiet li jammontaw għal Lm155,000 f’inċentivi lil 19-il kumpanija li joperaw minn Għawdex.
L-industrija Għawdxija għandha spejjeż addizzjonali għall-industrija f’Malta, bħal spejjeż marbuta mat-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex. Għalhekk, l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji ta’ l-1988 jipprovdi għall-għoti ta’ inċentivi lill-kumpaniji Għawdxin biex ikopru l-ispejjeż addizzjonali għat-trasport.
Waqt il-preżentazzjoni ta’ l-għotjiet finanzjari, il-Ministru Debono tkellmet dwar l-iskemi diversi li qiegħdin jiġu mnedija mill-Gvern, taħt il-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jindirizza d-diffikultajiet li ntrapriżi privati f’Għawdex jiltaqgħu magħhom. Hija tkellmet fit-tul dwar it-tlett skemi li qiegħed iniedi l-Ministeru għal Għawdex, permezz tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, speċifikament għall-kumpaniji li joperaw minn Għawdex.
L-ewwel skema hija ntiża sabiex toħloq opportunitajiet ta’ xogħol għall-gradwati f’Għawdex. B’hekk l-industrija f’Għawdex tkun qed tagħmel użu minn persuni kwalifikati u allura toffri servizz ta’ kwalita’ akbar. Permezz ta’ din l-iskema jkun assigurat li aktar ħaddiema ta’ ċertu livell akkademiku ma jintilfux minn Għawdex. Din l-iskema tissussidja parti mill-paga tal-impjegat-gradwat għal sentejn. Il-kumpanija mbagħad tkun obbligata li tibqa’ tħaddem lill-impjegat-gradwat għas-sentejn ta’ wara. B’hekk jiġi garantit impjieg lil gradwati Għawdxin għall-ewwel erba’ snin ta’ mpjieg tagħhom. Il-ġimgħa li għaddiet ġew ippubblikati l-ewwel sejħiet sabiex intrapriżi Għawdxin kif ukoll gradwati Għawdxin li jinsabu mingħajr impjieg japplikaw għal din l-iskema.
Skema oħra hija dik għal kumpaniji li ma jħaddmux aktar minn 8 persuni u li għandhom ħaddiema li jeħtieġu taħriġ fl-informatika. Dawn il-kumpaniji ser jingħataw il-possibilita’ li jħarrġu lill-ħaddiema tagħhom f’dik il-materja ta’ l-informatika li jkollhom bżonn.
It-tielet skema ser tindirizza lil dawk li għandhom ħajra li jwaqqfu negozju għal rashom billi tingħata għajnuna ta’ taħriġ tekniku dwar kif tiġi fformulata business plan u tingħata wkoll grant sabiex ikunu jistgħu jibdew in-negozju tagħhom.
Il-Ministru Giovanna Debono qalet li dawn l-għajnuniet mill-Gvern fil-qasam ta’ l-impjieg f’Għawdex huma possibbli għaliex Għawdex huwa prijorita’ fid-Dokument Uniku ta’ Programmar ta’ l-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dan Għawdex ser jibbenefika mhux biss minn dak kollu li pajjiżna ser jiggwadanja permezz tas-sħubija imma wkoll minn għajnuniet finanzjarji li jippermettu t-twettieq ta’ proġetti u inizjattivi speċifiċi għal Għawdex, fosthom it-twettieq ta’ dawn l-iskemi biex jiġu ġġenerati iktar impjiegi f’Għawdex.
Il-Ministru Debono qalet li dan il-proġett, li jinkludi wkoll it-twettieq ta’ korsijiet speċifiċi, ifisser investiment ta’ Lm500,000 fil-qasam tar-riżorsi umani u l-impjiegi f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946