Left arrow Go Back

“IL ĦLAS TA’ L-EKO KONTRIBUZZJONI HIJA MAĦSUBA BIEX TNAQQAS L-UŻU TA’ PRODOTTI LI JAGĦMLU ĦSARA LILL-AMBJENT, U MHIEX TAXXA MAĦSUBA BIEX TIBQA’ TINĠABAR MAŻ-ŻMIEN.” IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO

PR0238
Date Icon 17/02/2005

Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, organizza laqgħa oħra ta’ informazzjoni dwar il-ġbir ta’ l-eko kontribuzzjoni għal dawk kollha li xtaqu jiċċaraw xi punti li kienu għadhom qed joħolqu diffikultajiet.  Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kienu uffiċjali tad-Dipartiment tal-VAT, tad-Dipartiment tad-Dwana, kif ukoll mill-Commerce Division.  L-Onor. Vassallo ta spjegazzjoni qasira ta’ kif ser tkun qiegħda tinġabar l-eko kontribuzzjoni.  Huwa qal li “persuni li jġibu prodotti f’pajjiżna minn pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea jew minn pajjiżi oħra, jew dawk li jimmanifatturaw prodotti li fuqhom għandha tinġabar l-eko kontribuzzjoni għandhom id-dmir li jirreġistraw mad-Dipartiment tal-VAT, li huwa d-Dipartiment kompetenti għall-fini ta’ l-istess Att.  

“Dawk li jimmanifatturaw jew jipproduċu fliexken għax-xorb li jerġgħu jimtlew huma eżenti milli jirreġistraw mad-Dipartiment tal-VAT, iżda kull persuna oħra li timmanifattura prodotti jew li tbiegħhom lil bejjiegħa bl-imnut (retailers), jew direttament lill-konsumatur hija mitluba li tiġbor l-eko kontribuzzjoni.  

“Il-ħlas ta’ l-eko kontribuzzjoni mbagħad tkun tista’ tgħaddi lill-Gvern wara li dawk il-prodotti jkunu gew mibjugħa, u dan il-ħlas isir mal-ħlas tal-VAT fuq formola apposta li l-persuna rreġistrata tirċievi meta tirċievi l-formula tal-VAT.”  

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo kompla jispjega kif l-istokk ta’ prodotti mmanifatturati jew importati m’huwiex immedjatament suġġett għal-ħlas ta’ l-eko kontribuzzjoni, iżda l-eko kontribuzzjoni tkun trid titħallas mal-bejgħ ta’ dawk il-prodotti.  

Dwar il-prodotti li jintuzaw fil-proċess tal-manifattura, is-Segretarju Parlamentari Vassalo spjega li dawn il-prodotti huma meħlusa mill-ħlas ta’ l-eko kontribuzzjoni sakemm dawn il-prodotti ser ikunu qegħdin jintużaw fil-proċess tal-manifattura.

Dawk il-bejjiegħa bl-imnut (retailers) li ma humiex manifatturi lokali jew importaturi ma humiex mitluba jiġbru l-eko kontribuzzjoni fuq il-prodotti li huma jbiegħu.  Dan għaliex l-eko kontribuzzjoni jkunu diġà ħallsuha bħala parti mill-prezz li jkunu ħallsu għall-prodott li jkunu xtraw biex jerġgħu ibiegħu.  Għalhekk il-bejjiegħa jikkalkulaw il-qliegħ tagħhom fuq il-prezz li jkunu xtraw il-prodott li mbagħad jerġgħu jbiegħu lill-konsumatur.  L-eko kontribuzzjoni ser tkun inkluza fil-prezz li jinbiegħ bih il-prodott mingħand il-manifattur jew l-importatur li importa l-prodott għall-ewwel darba f’pajjiżna.  

Kemm-il darba il-bejjiegħa ta’ prodott huma il-manifattur lokali jew l-importatur innifsu, allura fil-prezz lill-konsumatur trid tiġi nkulża l-eko kontribuzzjoni.  

L-Onor. Vassallo temm id-diskors tiegħu billi awgura “li fl-iqsar żmien possibbli tingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu ċċarati xi punti li dwarhom għad hemm xi diffikultajiet.  Il-ħlas ta’ l-eko kontribuzzjoni hija maħsuba biex tnaqqas l-użu ta’ prodotti li jagħmlu ħsara lill-ambjent, u mhiex taxxa maħsuba biex tibqa’ tinġabar maż-żmien.  Deċiżjoni fl-uzu ta’ prodott alternattiv faċli twassal biex l-eko kontribuzzjoni ma tibqax titħallas.  Dawn il-laqgħat qegħdin isiru bil-ħsieb li n-negozji li għandhom prodotti li huma suġġetti għall-ħlas ta’ l-eko kontribuzzjoni jkunu jistgħu juru fejn huma id-diffikultajiet tagħhom.  Dawn il laqgħat huma parti mill-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni maħsub biex jiffaċilita l-proċeduri preżenti.”    

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow