APPLIKAZZJONIJIET GĦAL SKEMI TA’ GĦAJNUNA FUQ ART AGRIKOLA
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent għat-tieni sena konsekuttiva qed iniedi eżerċizzju biex dawk kollha li rreġistraw l-art li jaħdmu japplikaw għal skemi ta’ għajnuna mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Gvern Malti.
Għal dan il-għan, kull min diġa’ rreġistra l-art, għandu japplika għal dawn l-iskemi ta’ għajnuna mad-Dipartiment ta’ l-Agrikultura. Għal dawk li għadhom ma rreġistrawx l-art tagħhom, għandhom jagħmlu dan qabel ma’ ssir l-applikazzjoni ma’ l-istess Dipartiment. L-ebda applikazjoni għal dawn l-iskemi ta’ għajnuna ma’ tiġi aċċetata jekk l-art ma tkunx irreġistrata korrettament.
Uffiċjali tal-IACS ser ikunu fl-Uffiċċju tas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali, Għammieri, Marsa, (Malta Government Farm), mit-Tnejn, 14 ta’ Frar 2005 u mill-uffiċini tal-extension service tal-Mosta u Ħaż-Żabbar mit-Tnejn, 21 ta’ Frar 2005, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7.30 am u s-1.30 pm, u fl-uffiċċju tal-IACS f’Għawdex, bejn is-7:30 am u s-1:00 pm. Id-dati tal-għeluq ta’ l-iskemi huma kif jidhru hawn taħt:
| Qmugħ u Ċereali | 30 ta’ Marzu, 2005 |
| Frott u ħxejjex għall-Produzjoni | 25 ta’ April, 2005 |
| Tadam għall-Iproċessar | 25 ta’ April, 2005 |
| Patata | 25 ta’ Arpil, 2005 |
| Żebbuġ | 10 ta’ Novembru, 2005 |
| Dwieli | 10 ta’ Novembru, 2005 |
| Ħitan tas-sejjiegħ | 25 ta’ April, 2005 |
| Speċi Awtoktoni | 25 ta’ April, 2005 |
| Biedja Organika | 10 ta’ Novembru, 2005 |
| Żoni Żvantaġġati | Skond l-iskema |
| Bdiewa full-time | 25 ta’ April, 2005 |
Dawk il-bdiewa li għandhom ‘il fuq minn 25 tomna għandhom iċemplu fuq il-freephone 8007 2310 biex jagħmlu appuntament waqt il-ħinijiet ta’ l-applikazzjoni.
Il-bdiewa għandhom jieħdu magħhom il-Karta’ ta’ l-Identita’ u n-numru tal-VAT, kif ukoll iċ-ċertifikat li ngħata lilhom meta rreġistraw l-art ikkonċernata ma’ l-IACS. Importanti li bdiewa full-time jġibu magħhom ċertifikat li jindika li huma rreġistrati bħala full-time ma’ l-ETC, maħruġ fl-2005. Bdiewa li ser japplikaw fuq tadam għall-ipproċessar iridu jġibu magħhom il-kuntratt li għandhom mal-proċessur u kopja tiegħu. Bdiewa li ser japplikaw fuq il-patata jridu jġibu magħhom l-irċevuta ta’ xiri taż-żerriegħa.
F’każ ta’ diffikulta wieħed jista’ jċempel fl-Uffiċċju tas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali, l-Għammieri fuq il-freephone 8007 2310 jew l-Uffiċċju ta’ l-Agrikultura (IACS), Għawdex fuq 2156 5809.
Intant, fil-jiem li ġejjin il-bdiewa kollha ser ikunu mgħarrfa b’aktar informazzjoni dwar dawn l-iskemi permezz ta’ fuljett informattiv li se jintbagħat fid-djar.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946