TLIET KUNĊERTI B’RABTIET MA’ LLOYD WEBBER
Biex tfakkar il-50 sena mit-twaqqif tagħha l-Korporazzjoni Maltija tal-Fieri qed torganizza sensiela ta’ attivitajiet kulturali li tlieta minnhom huma marbuta ma’ Andrew Lloyd Webber u ħuh Julian.
Isem Andrew Lloyd Webber, li twieled fl-1948, hu marbut ma’ kompożizzjonijiet kbar bħal Jesus Christ Superstar, Evita u The Phantom of the Opera. Fl-1982 Lloyd Webber sar l-ewwel persuna li qatt kellu tliet musicals għaddejjin fl-istess żmien fi New York u tlieta f’Londra. Il-produzzjoni ‘Cats’, li bdiet tintwera Londra fl-1996, saret il-musical li l-aktar li dam jintwera fil-West End ta’ Londra u fl-1997 sar l-aktar musical li dam jintwera fl-istorja tat-teatru ta’ Broadway. Fis-sajf tal-2000 kien hemm 24 musical ta’ Lloyd Webber jittellgħu f’10 pajjiżi differenti tad-dinja.
Andrew Lloyd Webber jibqa’ magħruf ukoll għall-produzzjonijiet tal-films ‘Joseph and the Amazing Technicolor Dreamcoat’, ‘Gumshoe’, ‘The Odessa File’, ‘Variations’, ‘Tell me on a Sunday’, ‘Song & Dance’, ‘Starlight Express’, ‘Requiem’, ‘Aspects of Love’, ‘Sunset Boulevard’, ‘Whistle Down the Wind’ u ‘The Beautiful Game’. Andrew Lloyd Webber rebaħ sitt ‘Tony awards’, erba’ ‘Drama Desk Awards’, tlett ‘Grammys’ li jinkludu l-award għall-Aħjar Kompożizzjoni Klassika Kontemporanja li rebaħ fl-1986 għal ‘Requiem’. Hu rebaħ ukoll ħames ‘Laurence Olivier awards’.
Andrew Lloyd Webber inħatar Kavallier għas-Servizzi tiegħu lill-Arti, filwaqt li fl-1997 kien elevat għall-peerage fil-Lista ta’ l-Unuri ta’ l-Ewwel tas-Sena u sar magħruf bħala The Lord Lloyd-Webber of Sydmonton. Fl-istess sena flimkien ma’ Sir Tim Rice ingħata il- ‘Golden Globe’ u Oscar għall-Aqwa Kanzunetta Oriġinali għas-soundtrack tal-film Evita.
Julian Lloyd Webber, ħu Andrew, hu vjolinċellista internazzjonali li se jieħu sehem fi tnejn mill-kunċerti. Ħuh Andrew se jingħaqad mal-produzzjoni li ser tittella’ f’Settembru.
Nhar is-Sibt 12 ta’ Frar ser jittella’ fis-Sala Markis Scicluna, il-kunċert “The Classical Connections” bil-parteċipazzjoni ta’ Julian Lloyd Webber u Anstan – trio kompost minn musiċisti professjonali li jagħmlu sehem mill-Orkestra Nazzjonali. AnnMarie Chetcuti ser idoqq fuq il-pjanu, Stephen Galea bil-vjolin u Angelica Galea bil-vjolinċell. Dawn se jdoqqu mużika klassika ta’ kompożituri Maltin u kompożituri internazzjonali.
Nhar il-Ġimgħa 16 u s-Sibt 17 ta’ Settembru, fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi Julian Lloyd Webber flimkien ma’ l-Orkestra Nazzjonali se jipparteċipaw fil-Kunċert Orkestrali “A Night with Lloyd Webber”. Andrew Lloyd Webber se jingħaqad mal-produzjoni nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Settembru, u se jdoqq kemm fuq il-pjanu kif ukoll fuq orgni tal-knisja, f’siltiet mill-musicals ‘Cats’ u ‘Phantom of the Opera’. Replika tal-linfa ta’ tunnellata li ntużat fil-film ‘The Phantom of the Opera’ ser tinġieb minn San Marino għal din il-produzzjoni.
Nhar il-Ġimgħa u s-Sibt 18 u 19 ta’ Novembru fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, l-Orkestra Nazzjonali taħt it-tmexxija tal-Prof. Maestro Joseph Vella ser ittella’ ir-‘Requiem’ ta’ Andrew Lloyd Webber. F’dan il-Kunċert Orkestrali se jipparteċipaw is-sopran Miriam Cauchi, it-tenur Joseph Aquilina u l-kor Laudate Pueri.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech kien preżenti flimkien ma’ Julian Lloyd Webber għat-tnedija tal-kunċert “A Night with Lloyd Webber”. Il-Ministru Zammit Dimech feraħ lill-Kunsill tal-Korporazzjoni Maltija tal-Fieri għal din l-inizjattiva tagħhom li qed tkompli tressaq il-kultura lejn il-poplu. “Attivitajiet kulturali bħal dawn li qed torganizzaw juru li l-ħidma tagħkom qed tkun katalist biex tressqu lejn xulxin il-kultura man-negozju. Lloyd Webber hu isem kbir fl-istorja kontemporanja mużikali u dan ser inkunu nistgħu nseġwuh grazzi għalikom. Nemmen li bil-ħidma ta’ kulħadd il-poplu jersaq dejjem aktar lejn dak kollu kulturali u jifhem aħjar ir-rikezzi kbar kulturali li għandu dan il-pajjiż,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946