Left arrow Go Back

EMENDI IMPORTANTI GĦALL-KODIĊI ĊIVILI

PR0154
Date Icon 01/02/2005

Konferenza Stampa mogħtija mill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, Dr. Tonio Borg u s-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru, Dr. Carmelo Mifsud Bonnici, dwar l-emendi importanti li saru għall-Kodiċi Ċivili  (Kap. 16 tal-Liġijiet ta’ Malta ) - Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, Auberge d’Aragon - Valletta - it-Tlieta, 1 ta’ Frar 2005

Permezz ta’ l-Att XVIII tas-sena l-oħra l-Parlament approva, wara sena sħiħa ta’ ħidma, numru ta’ emendi fil-Kodiċi Ċivili (Kapitolu 16 tal-Liġijiet ta’ pajjiżna).  Dawn l-emendi jiffurmaw parti importanti mill-aġġornament neċessarju sabiex dawn id-drittijiet ċivili jwieġbu għar-realtà ta’ llum kif ukoll biex jagħtu strumenti u għodda aħjar.  It-tibdil sar prinċiparjament fi tlett setturi, dak marbut mal-wirt, dak marbut ma’ l-istatus tal-persuni u dak marbut mal-proprjetà.  

A.        Il-Wirt  

Hawn qed isiru numru ta’ tibdiliet:  

1.         Kif jidħlu dawn l-emendi, il-miżżewġin għandhom iktar libertà fil-wirt.  Dan l-ewwel, għax jekk jagħmlu testment jistgħu issa jħallu lil xulxin il-proprjetà kollha tagħhom salv il-porzjon riservat lill-ulied.  It-tieni, jekk il-koppja ma jkollhiex tfal u jmutu mingħajr ma jkunu għamlu testment, allura jirtu lil xulxin fi proprjetà assoluta.  Dan ifisser iktar libertà lill-miżżewġin u inqas problemi u komplikazzjonijiet għal wara l-mewt.  Mhux biss, iżda qed nagħtu d-dritt lill-konjuġi li jibqa’ ħaj li jkollu dritt ta’ preferenza fuq il-werrieta l-oħra għax-xiri tad-dar matrimonjali u fl-użu ta’ l-oġġetti kollha li jkun hemm ġewwa.  

2.         It-testmenti li jsiru bejn il-miżżewġin ser isiru b’iktar loġika u jistgħu jinġabru b’inqas diffikultà.  Dan għax b’din il-liġi, fit-testment magħqud kif ser issir is-sistema ser ikun hemm żewġ partijiet, jiġifieri tal-mara u tar-raġel.  Mhux biss, iżda meta jiġi nieqes parti, il-werriet flok irid jagħmel rikors il-Qorti sabiex iġib kopja, issa kull ma ser ikollu bżonn huwa li jitlob lin-Nutar.  

3.         Tneħħew id-differenzi bejn l-ulied imwielda barra miż-żwieġ u dawk fiż-żwieġ.  Mil-lum ’il quddiem, kull min jagħmel testment għandu d-dritt li jagħżel huwa kemm u kif iħalli lil uliedu jekk hux indaqs jew differenti.  Mhux biss, iżda tneħħiet ukoll il-projbizzjoni li ulied it-tieni żwieġ ma jistgħux jingħataw iktar minn ta’ l-ewwel u hawn ukoll, min jagħmel it-testment għandu l-libertà li jħalli kif irid huwa.  

4.         Inbidel il-kunċett tal-leġittima.  Billi ħafna drabi dan il-kunċett kien kaġun ta’ kawżi u ġlied għax kien ikkunsidrat bħala sehem fi proprjetà, b’dawn l-emendi issa l-leġittima hija kreditu kontra l-wirt.  Dan ifisser li ser ikun iktar faċli sabiex titħallas u li ma sservix ta’ xkiel għall-qasma.  Ma’ dan, il-persuna li ser ikollha dan id-dritt ser jgħaddilha l-imgħax fuq l-ammont jekk kemm-il darba ma titħallasx fi żmien sentejn.

B.        L-istatus tal-Persuna  

F’din il-kategorija saru erba’ bidliet fundamentali.  

1.         Fil-Kodiċi ma hemmx iktar id-distinzjoni prerogattiva ta’ tfal leġittimi u tfal illeġittimi.  Għalkemm, ma hemmx dubbju, li din il-klassifikazzjoni serviet xi skop fi żminijiet oħra, illum il-ġurnata qed isservi biss bħala sanzjoni soċjali fuq l-ulied li ma għandhom ħtija ta’ xejn.  Illum is-soċjetà tagħna tħoss li, b’sens ta’ ġustizzja, ma għandhiex tħalli dan it-timbru jibqa’ jinġarr għaż-żmien kollu tal-ħajja.  Għad għandna numru ta’ persuni fis-soċjetà li jħossuhom inqas minn ħaddieħor proprju minħabba din il-klassifikazzjoni antika.  Għalhekk fil-Kodiċi Ċivili issa ser jidħlu artikoli u emendi ġodda li permezz tagħhom ser jispiċċa dan it-timbru u minflok ser jidħlu l-kliem “tfal imwielda barra miż-żwieġ”.  

2.         Għall-ewwel darba ser jinbidel kompletament il-mekkaniżmu legali li permezz tiegħu missier naturali fi twelid barra miż-żwieġ ser jirrikonoxxi tarbija.  Is-sistema qabel kienet li jekk raġel, huwa jew mhuwiex il-missier tat-tarbija, jidher quddiem nutar pubbliku biċ-ċertifikat tat-twelid seta’ jirrikonoxxiha bħala tiegħu.  Dan kien ifisser li l-mekkaniżmu jaħdem mingħajr l-omm li fl-ebda stadju ma kienet tagħti l-kunsens tagħha f’dan il-proċess.  Mhux biss, iżda agħar minn hekk kien li t-tarbija kienet issib il-kunjom tagħha mibdul.  

            Dan issa ser jinbidel kompletament.  Mad-dħul ta’ dawn l-emendi fil-Kodiċi, issa kull min irid jirrikonoxxi tarbija jrid jinforma u jitlob, permezz ta’ ittra uffiċjali, il-kunsens ta’ l-omm u, fil-każ fejn il-wild ikun jew tkun diġà ta’ l-età huwa wkoll irid jiġi nfurmat sabiex dan ikun issa jista’ jsir.  Jekk ma jkunx hemm dan il-kunsens, il-missier għandu jipproċedi direttament il-Qorti b’rikors sabiex tkun dik l-istituzzjoni li tiddeċiedi jekk għandux isir ir-rikonoxximent jew le.  Dan ifisser li omm dik it-tarbija ma għadhiex iktar oġġett passiv wieħed seta’ jgħaddi minn fuqha.  Qtajna abbuż u daħħalna bilanċ aħjar f’dan il-mekkaniżmu.  

3.         It-tielet bidla li saret hija marbuta mal-fatt li daħħalna fil-Kodiċi mekkaniżmu li permezz tiegħu jista’ issa jiġi annotat fl-att tat-twelid tibdil fis-sess.  Dan japplika biss għal dawk li ma humiex miżżewġin u li l-operazzjoni li għaddew minnha hija irriversibbli.  Din l-emenda saret billi l-Kodiċi Ċivili ma kien jgħid xejn u kien hemm numru ta’ sentenzi mogħtija mill-Qrati tagħna f’dawn is-sitwazzjonijiet li kien hemm bżonn li jiġu regolati.  Mhux biss, iżda kien hemm problemi oħra marbuta mal-karta ta’ l-identità.  Minn meta jidħlu fis-seħħ dawn l-emendi issa l-pożizzjoni hija ferm aktar ċara; l-ewwel f’min jista’ jagħmel din it-talba; it-tieni, il-konsegwenzi tagħha u t-tielet, li l-karta’ ta’ l-identità tinbidel sabiex tirrifletti l-bidla fiżika fis-sess.  

4.         Ir-raba’ bidla hija mogħtija lil nisa li jkunu romlu u jridu jerġgħu jiżżewġu.  Kif kienet qabel il-liġi tagħna, il-mara ma setgħetx iżżomm il-kunjom li tkun ħadet ma’ l-ewwel żwieġ.  Dan kien kaġun għal ħafna problemi u deterrent għaż-żwieġ billi din il-mara riedet tagħżel bejn il-kunjom tagħha fi xbubitha jew tat-tieni raġel.  Issa, b’din l-emenda, hija tista’ żżomm il-kunjom ta’ l-ewwel raġel.  

Ċ.        Tibdil fil-Proprjetà  

Hawn daħlu numru ta’ emendi li għandhom jiffaċilitaw id-diviżjoni ta’ proprjetà f’sitwazzjonijiet pendenti llum.  

F’żewġ artikoli ġodda qiegħed issa jingħad li meta proprjetà li ġejja minn wirt tkun ilha iktar minn għaxar snin inkomun bejn il-werrieta u ma tkunx ġiet preżentata kawża fil-Qorti, dan fih innifsu jagħti d-dritt lill-partijiet għas-segwenti:  

1.         Li kull parti ssir proprjetarja direttament fis-sehem tagħha f’kull biċċa proprjetà u għalhekk tkun tista’ tbiegħ sehemha direttament mingħajr ma jkollha tbiegħ id-drittijiet tal-wirt tagħha.  Dan ifisser iktar faċilità sabiex min qiegħed in koproprjetà ma’ ħaddieħor kontra qalbu jista’ jeħles minn dan l-istat b’ferm inqas problemi.  

2.         Li fejn ikun hemm min irid jixtri proprjetà mill-wirt u li l-prezz ikun ġust u vantaġġjuż, iżda wieħed mill-proprjetarji ma jkunx irid ibiegħ sehemu, allura kull parti tista’ tagħmel talba b’rikors lill-Qorti sabiex hija tawtorizza l-bejgħ wara li tqis kollox.  Dan ifisser li numru ta’ proprjetajiet li kienu inkomun ser ikunu jistgħu jiġu maqsuma jew mibjugħa b’faċilita’ ikbar.  

Dawn l-emendi ser jiġu fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu, 2005.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow