IL-MINISTRU LOUIS GALEA JINDIRIZZA L-KONFERENZA TA’ L-ILO
L-ikbar problemi li tħabbat wiċcha magħhom din il-parti tad-Dinja – il-Mediterran u l-Lvant Nofsani – waħda mill-aktar irkejjen imqallba tagħha, bħal migrazzjoni illegali, il-qerda tar-riżorsi tal-baħar, is-sens ta’ esplojtazzjoni esterna, kollha qed jippuntaw lejn soluzzjoni waħda – istituzzjonijiet u politika għal xogħol diċenti fir-reġjun.
Dan intqal minn Louis Galea, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi meta llum indirizza it-92 sessjoni tal-Konferenza ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) f’Ġinevra.
Il-Ministru Galea qal li din hija l-ewwel sena li Malta bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea hija preżenti għal din il-Konferenza. Qabel, waqt u wara n-negozjati twal li waslu għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni, il-Gvern Malti kien iddikkjara li ma jqisx l-Unjoni Ewropea bħala l-bidu u t-tmiem ta’ kollox. Anzi, Malta taraha bħala mezz kif id-dinja tista’ titmexxa aħjar f’direzzjoni forsi differenti mill-proċess ta’ globalizzazzjoni li għaddeja minnu d-dinja bħalissa. Il-Ministru Galea tenna li Malta taqsam l-istess perspettiva implikata mid-Direttur Ġenerali ta’ l-ILO fir-Rapport tiegħu dwar il-Kummissjoni Dinjija dwar id-Dimensjoni Soċjali taċ-Ċelebrazzjoni.
Louis Galea qal li jrid jenfasizza it-tifsira speċjali ta’ żewġ sentenzi partikolari dwar stepping stone reġjonali li hemm fil-qalba tad-diskors tad-Direttur Ġenerali għal Malta – ladarba Malta tinsab propju f’qagħda ġeografika fejn jiltaqgħu t-tliet kontinenti ta’ l-Ewropa, l-Afrika u l-Asja.
Il-Ministru Galea rrefera wkoll għas-suġġeriment fir-rapport tad-Direttur Ġenerali ta’ l-ILO li din l-organizzazzjoni tiffoka fuq ir-rwol tal-mekkaniżmi għad-djalogu biex tikkontribwixxi għad-dimensjoni soċjali ta’ l-integrazzjoni reġjonali.
Louis Galea qal li jixtieq li jenfasizza li hemm sfida ġdida li ġejja minn żviluppi riċenti fl-Ewropa. Huwa qal li qed jirreferi għall-Abbozz tal-Kostituzzjoni Ewropea li għandha viżoni ta’ ‘area’ ġdida imsejħa "L-ambjent immedjat" ta’ l-Unjoni li jinkorpora il-Mediterran sħiħ kif ukoll il-pajjiżi li jmissu mal-Lvant f’territorju għal ‘relazzjoni privileġġata’. Dr Galea saħaq li t-tifsira naturali ta’ din il-frażi huwa li dan it-territorju, anki jekk parti minnu mhuwiex ġeografikament fl-Ewropa, għandha titqies bħala laboratorju fejn, kif qal ukoll id-Direttur Ġenerali ta’ l-ILO fir-rapport tiegħu, l-istituzzjonijiet u l-politika għal xogħol diċenti jistgħu jipprovdu pediment għal proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali. Eżempju ta’ dan huwa l-ħolqien ta’ entità ġdida Ewro-Mediterranja, oriġinali fin-natura tagħha daqs l-Unjoni Ewropea nnifisha.
Dr. Galea qal li li għadu mhux ċar kif l-Unjoni Ewropea biħsiebha timxi biex tilħaq dan l-objettiv li dwaru hemm kapitolu sħiħ fl-Abbozz tal-Kostituzzjoni Ewropea. Qal li madankollu dwar din is-sezzjoni ta’ l-Abbozz hemm qbil bejn il-Membri ta’ Unjoni.
Il-Ministru Galea ssuġgerixxa li ċertament jeżisti spazju għal inizjattiva f’din id-direzzjoni li l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol biss tista’ timla b’suċċess. Qal li issa hu l-waqt u din hija l-opportunità li ma terġax tiġi biex jitwettaq dak li hemm indikat fir-Rapport tad-Direttur Ġenerali applikat għall-Mediterran. Il-Ministru Galea wiegħed l-appoġġ sħiħ tal-Gvern Malti għat-twettiq ta’ proposti dikussi tul il-Konferenza.
Kif titlob il-Kostituzzjoni ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol id-Delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Ministru Galea tinkludi wkoll rappreżentanti tal-Gvern fosthom id-Direttur tax-Xogħol, is-Sur Frank Pullicino kif ukoll delegati li jirrappreżentaw l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, il-Federazzjoni ta’ l-Industriji, il-GWU u s-CMTU. L-Ambaxxatur Malti u r-Rappreżentant ta’ Malta fl-Uffiċju Ewropew tan-Nazzjonijiet Uniti, is-Sur Saviour Borg huwa wkoll membru tad-Delegazzjoni Maltija.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946