PJAN TA` ŻVILUPP QAWWI FL-EDUKAZZJONI
“L-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-poplu Malti fid-dinja tal-lum hu mibni fuq l-edukazzjoni. Dan hu l-ewwel u l-aqwa investiment li l-Gvern qed jagħmel. Il-formazzjoni u l-impenn ta’ l-għalliema jiddeterminaw b’mod qawwi il-kwalita` u r-riżultati li jinkisbu fl-edukazzjoni.” Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea fil-ftuħ ta’ Seminar ta’ jumejn li qed jiġi organizzat mill-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Universita’ għall-istaff akkademiku bit-tema ‘Our Educators Our Future’. Is-seminar qed jitmexxa mid-Dekan il-ġdid tal-Fakulta` Dr Carmel Borg.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru qal li s-seminar jinkwadra tajjeb fl-istrateġija tal-Gvern, kemm fil-qasam edukattiv kif ukoll fuq livell ekonomiku. Il-Ministru tkellem dwar l-effett tal-globalizzazzjoni fuq pajjiżi żgħar bħal Malta u dwar il-bidliet reġjonali li qed iseħħu madwarna, l-aktar is-sħubija ta’ Malta fl-UE. Hu qal li fost il-fatturi li qed jaffettwaw it-tagħlim u t-taħriġ f’pajjiżna hemm dak tar-rata dejjem titbaxxa tat-twelid u r-ristrutturazzjoni kontinwa li qed taffettwa kull qasam ta’ l-ekonomija. Filwaqt li ħafna oqsma ta’ politika ekonomika u soċjali qed jiġu deċiżi fuq livell Ewropew u dinji, il-qasam ta’ l-edukazzjoni s’issa f’miżura kbira għadu jiġi determinat mill-gvernijiet tal-pajjiżi. Dan ifisser li l-edukazzjoni hi għodda ewlenija li biha l-Gvern jista` jiddetermina ix-xejra ta’ l-iżvilupp ekonomiku u kulturali.
Il-Ministru Galea tkellem dwar il-ħidma li qed issir biex is-settur edukattiv ikompli bir-riformi u l-iżviluppi li hemm bżonn. Huwa semma` ħames oqsma ta’ ħidma li ser ipoġġu s-sistema edukattiva fuq bażi ġdida. Filwaqt li ser jiżdiedu l-isforzi għat-twettiq tal-Kurrikulu Nazzjonali, anke billi jsir it-tibdil meħtieġ fil-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu, il-Ministru qal li ser jibda l-eżerċizzju għall-aġġornament ta` l-istess Kurrikulu biex dan jirrifletti l-bidliet u l-iżviluppi li seħħew fil-pajjiż fl-aħħarħames snin. It-tieni qasam jirrigwarda r-reviżjoni ta’ policies u l-programmi li diġa` jeżistu bħal ma huma dawk ta’ l-edukazzjoni inklussiva, is-sistema ta’ l-eżamijiet tal-MATSEC, u s-sistema ta’ l-għotjiet ta’ manteniment.
Il-Ministru tkellem dwar it-tielet qasam ta’ ħidma li jinkludi t-tifsil u l-adozzjoni ta’ numru ta’ policies u strateġiji ġodda. Hu qal li hemm bżonn politika tajba ta’ kif issir il-gwida taż-żgħażagħ fl-għażla tal-karrieri tagħhom. Jehtieg ukoll miżuri aktar effettivi biex tiġi trattata l-kwistjoni ta’ l-assentejiżmu – irridu naraw kif se nżidu l-attendenza ta’ l-istudenti li qed ifallu l-iskola għaliex kull ġurnata li tintilef taffettwa l-edukazzjoni ta’ l-individwu. Qed jiġi stabbilit aħjar x’inhuma l-bżonnijiet ta’ korsijiet ta’ aġġornament u speċjalizzazzjoni għall-għalliema fl-iskejjel u kif ser jiġi implimentat programm ta’ introduzzjoni (induction programme) ta’ l-għalliema ġodda. Il-Ministru ħabbar li l-Abbozz ta’ Strateġija Nazzjonali għat-Tagħlim Tul il-Ħajja issa tlesta u qed isiru it-tħejjijiet meħtieġa biex jiġi pubblikat u tinfetaħ diskussjoni nazzjonali.
Il-Ministru Galea semma l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ l-iskejjel bħala r-raba’ qasam li fuqu qed jaħdem il-Ministeru. Il-Ministru qal li qed jitħejjew proposti għad-diskussjoni ma’ kull min hu involut biex jinħolqu strutturi ġodda li jagħtu aktar saħħa u awtonomija lill-iskejjel ta’ l-Istat bl-iskop li l-kwalita` tat-tagħlim titjieb għal kulħadd u tkun tista` tiġi verifikata mill-awtoritajiet edukattivi. Dan għandu jwassal għal metodi aktar effettivi fit-tagħlim u biex ikun hemm aktar kontinwita’ fil-proċess edukattiv. Biex iseħħu dawn il-bidliet ser isir id-djalogu kollu meħtieġ biex imbagħad jintrabat kollox permezz ta’ liġi li, fost ħwejjeġ oħra, ser tara li l-irwoli regolatorji u operattivi tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni jiġu separati.
Fil-ħames qasam il-Ministru tkellem dwar il-ħidma li trid issir biex is-settur post-sekondarju u terzjarju, l-Universita` u l-MCAST, jiġu aġġornati u imsaħħa.
Il-Ministru Galea temm jgħid li hu jemmen li biex dan kollu jseħħ jeħtieġ li jkollna edukaturi bi spirtu ta’ inizjattiva, leadership u impenn li jaraw fit-tagħlim mhux biss impieg imma għażla u twettiq ta’ vokazzjoni. Huwa qal ukoll li f’dan kollu l-Unjon ta’ l-Għalliema għandha sehem essenzjali u il-kollaborazzjoni u l-ftehim li diġa` jeżistu jawguraw tajjeb għal ħidma flimkien biex jintlaħqu l-objettivi nazzjonali. Fl-aħħarnett il-Ministru saħaq li s-Sħab Soċjali jeħtieġ li jiffokaw aktar fuq ir-rabta intrinsika bejn l-edukazzjoni u l-iżvilupp ta’ pajjiżna.
Is-Seminar infetaħ mid-Dekan tal-Fakulta` Dr Carm Borg li fisser li fil-jumejn ta’ diskussjoni il-professuri u lecturers tal-Fakulta` jeħtieġ ipoġġu s-sisien ta’ pjan strateġiku biex il-Fakulta` tiġġeded u issir protagonista fl-iżvilupp edukattiv u soċjo-ekonomiku tal-pajjiż. Kelliema dwar oqsma ewlenin fil-qasam edukattiv kienu, fost oħrajn, l-Professur Kenneth Wain dwar it-tagħlim tul il-ħajja, il-Professur Ronald Sultana dwar t-taħriġ ta’ l-għalliema madwar l-Ewropa, Dr Valerie Sollars dwar l-edukazzjoni f’eta` bikrija, u s-Sur Leonard Busuttil dwar l-E-Learning.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en