IL-MINISTRU LOUIS GALEA JIPPARTECIPA FIL-KUNSILL TAL-MINISTRI EWROPEJ RESPONSABBLI GĦALL-EDUKAZZJONI U Ż- ŻGĦAŻAGĦ
L-Unjoni Ewropea ser iġġedded il-programmi edukattivi, taż-żgħażagħ, awdjo-viżivi, u tal-kultura biex tgħin il-popli tagħha jgħixu aħjar il-valuri komuni tal-libertà, demokrazija, sliem u tolleranza.
Il-ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi ser tkopri l-perjodu 2007-2013. Jidher ċar li f’dan il-perjodu l-UE ser tinteressa ruħha b’mod aktar dirett fl-edukazzjoni in ġenerali u f’dik vokazzjonali b’mod partikolari. Dan kien il-qofol tad-diskussjoni u d-deċiżjonijiet fil-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Kultura. F’isem il-Gvern Malti qed jattendi l-Ministru ghall-Edukazzjoni, Zghazagh u Impjiegi, Louis Galea li hu akkumpanjat mis-Sur Frans Borġ, Direttur għall-Affarijiet Ewrpoej fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi.
Il-Ministru Louis Galea jinsab Brussel għal dan l-ewwel Kunsill tal-Ministri minn mindu Malta ssieħbet formalment fl-Unjoni Ewropea.
Matul dan il-Kunsill, mifrux fuq jumejn, id-diversi Ministri qed jiddiskutu riżoluzzjonijiet dwar l-importanza li l-istudenti, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema Ewropej ikunu mgħejjuna b’mod professjonali fit-tfassil tal-ġejjieni tagħhom. Hu mistenni wkoll li jintlaħaq ftehim dwar ko-ordinament aħjar tal-kompetenzi u l-kwalifiki professjonali f’portfolio magħruf bħala Europass.
Europass se jiġbor flimkien diversi dokumenti fosthom Formula Ewropea Komuni għal CV Ewropew, is-supplimenti tad-diplomi u ċ-ċertifikati, il-portfolio tal-lingwi, u l-għarfien tal-mobilità fost l-istudenti. Kull pajjiz hu mistenni li s-sena d-dieħla jwaqqaf aġenzija sabiex tikkordina x-xogħol li jrid isir, sabiex tkun aktar faċli għaż-żgħażagħ Ewropej li jkollhom il-kwalifiki tagħhom miġbura f’portfolio Ewropew wieħed. Il-Ministru Galea ħabbar li Malta diġà ħadet il-passi meħtieġa u waqqfet din l-Agenzija fi ħdan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.
It-tħaris tal-kwalità ta’ l-edukazjoni vokazzjonali u t-taħrig u r-rikonoxximent ta’ l-edukazzjoni nformali huma temi li l-Ministri Ewropej ta’ l-Edukazzjoni qed
jiddiskutu. Huma qed jikkomettu rwieħhom li jaraw li f’pajjiżhom ikun hemm tassew taħrig professjonali u ta’ kwalità fil-qasam vokazzjonali waqt li jieħdu l-passi meħtieġa biex it-tagħlim informali miksub mill-popli Ewropej, partikolarment l-istudenti, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema, ikun rikonoxxut u validat. Hekk ikun aktar possibbli li ħadd ma jibqa’ lura. Malta taqbel ma’ dawn il-passi li jirriflettu ċar il-ħsieb u l-vokazzjoni tal-politika edukattiva f’pajjiżna anke kif riflessa fil-Kurrikulu Nazzjonali. Il-Ministru Galea ħabbar li fl-MCAST issa ser jibda programm ta’ taħrig pedagoġiku għall-lecturers tal-MCAST u ser jitfassal programm ta’ taħrig speċjalizzat għall-għalliema fid-diversi oqsma ta’ tagħlim u taħriġ.
Il-Ministri ddiskutew fit-tul il-politika Ewropea favur ħidma aktar parteċipattiva taċ-ċittadini Ewropej. Diversi pajjiżi tkellmu mil-lenti edukattiva, kulturali u tal-politika favur iż-żgħażagħ matul il-jumejn. Kollha għarfu l-importanza li titkattar il-kultura fost il-popli, tissaħħaħ l-edukazzjoni u r-riċerka li jridu jwasslu sabiex fl-Ewropa tkun forza ekonomika qawwija, u l-investiment fost iż-żgħażagħ sabiex iħossuhom parti integrali mill-ġejjieni Ewropew.
Sehem importanti għandhom id-diversi programmi edukattivi, partikolarment Socrates, Leonardo da Vinci, YOUTH u Culture 2000 li l-Unjoni Ewropea se tinvesti ferm aktar fit-tkabbir tagħhom. Hu mistenni li 10% tat-tfal fl-iskejjel ikunu pparteċipaw fil-programm Comenius fil-ġejjieni. Malta hi favur li dawn il-programmi edukattivi jkunu eqreb lejn iċ-ċittadini.
Malta tħoss li dan jista’ jintlaħaq b’għarfien aħjar tal-programmi u billi l-Unjoni Ewropea tieħu l-passi meħtieġa sabiex jitħaffu l-proċeduri biex wieħed jipparteċipa. Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni tkellem favur ir-rabta dejjem aktar mill-qrib bejn l-edukazzjoni akkademika (permezz tal-programmi Socrates) u l-edukazzjoni vokazzjonali (Leonardo da Vinci). Fl-istess ħin wieħed irid isaħħaħ iktar il-parteċipazzjoni fost iż-żgħażagħ u sehem iċ-ċittadini fil-kultura. Il-Programmi YOUTH u Culture 2000 huma maħsuba biex jagħmlu dan.
Il-Ministri Ewropej, fuq inizjattiva tal-Presidenza Irlandiża, iddiskutew l-importanza li ssir ħidma favur it-tisħiħ tad-diversi lingwi. Il-Ministri qablu li, fost ħwejjeġ oħra, għandhom joħolqu inizjattivi li jgħinu l-letteratura tal-kittieba tad-diversi pajjiżi issir ħafna aktar magħrufa mill-popli Ewropej. Għal dan l-iskop għandhom jithejjew programmi ta’ għajnuna biex issir traduzzjoni ta’ kwalità tax-xogħlijiet letterarji Ewropej.
Il-Kunsill għaraf ukoll kemm hu importanti li ż-żgħażagħ Ewropew ikunu ferm aktar integrati fil-ħajja soċjali Ewropea u l-ħtieġa li l-istess żgħażagħ ibarru kull forma ta’ razzizzmu u intolleranza.
F’kumment li ghamel, il-Ministru Louis Galea tenna l-ħtieġa li Malta tieħu sehem attiv mhux biss f’dawn il-Kunsilli tal-Ministri, imma fil-kumitati kollha Ewropew sabiex tassew il-vuċi Maltija tkompli tinstema’, tingħata widen u tagħti l-kontribut tagħha għal Ewropa aħjar għaċ-ċittadini tagħha.
DOI – 28.05.2004
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en