DATA IMPORTANTI FIL-KALENDARJU KULTURALI TA’ PAJJIŻNA
DATA IMPORTANTI FIL-KALENDARJU KULTURALI TA’ PAJJIŻNA
Meta kien qed iniedi l-edizzjoni ghal din is-sena tal-Malta Jazz Festival, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li dan il-Festival, li din is-sena se jkun fl-erbatax il-edizzjoni, hu data importanti fil-kalendarju ta’ attiviajiet organizzati mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. Hu qal li dan il-festival hu ta’ attrazzjoni sew għall-Maltin kif ukoll għat-turisti.
Francis Zammit Dimech qal li l-Malta Jazz Festival hu organizzat regolarment fit-tielet tmiem il-ġimgħa ta’ Lulju u kien jattira dilettanti tal-Jazz Maltin u barranin mill-aqwa. Dan wasslu biex isir popolari u mistenni. Il-Ministru Zammit Dimech qal li anke l-post fejn isir hu lokalita’ singulari.
Hu qal li dan il-festival jittella’ barra ħdejn il-Knisja Ta’ Liesse taħt is-swar, f’Xatt il-belt u faċċata tal-Forti Sant’Anġlu u l-Kottonera. Hu qal li din hi l-istess lokalita’ li fiha nġabru għexieren ta’ eluf ta’ Maltin biex jassistu għall-ispettaklu ta’ video projection, dwal u logħob tan-nar li ttella’ mal-Forti Sant’Anġlu fil-lejl li fih pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Malta Jazz Festival kien jolqtu sew bħala Ministru tat-Turiżmu kif ukoll bħala Ministru tal-Kultura. Hu qal li dan il-festival kien qed ikun organizzat mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u kien ta’ attrazzjoni għall-eluf ta’ turisti li jżuru Malta f’Lulju. Hu qal li dan ukoll juri kemm kienet għaqlija d-deċiżżjoni tal-Prim Ministru li fil-kabinett il-ġdid tiegħu jgħaqqad flimkien it-turiżmu u l-kultura.
Hu qal li dan kien aktar importanti meta konna qed naħdmu biex it-turiżmu nippromwovuh bħala esperjenza kulturali, storika u ta’ arti. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Malta Jazz Festivalkien ukoll eżempju ta’ proġett bi sħab bejn il-Gvern u s-settur privat f’avvenimenti kulturali. Hu qal li sew il-Gvern kif ukoll is-settur privat kellhom interess li jkabbru s-settur turistiku għaliex dan kien settur li minnu jiekol kulħadd, fejn il-ftit ta’ kull wieħed u waħda minnha kien jikkontribwixxi biex noffru servizz u prodott mill-aqwa lil kull min iżurna.
Francis Zammit Dimech qal li bħas-snin l-imgħoddija dan il-jazz festival kien qed jiġbed lejh bands u gruppi importanti. Hu qal li din is-sena kienu se jipparteċipaw fil-Malta Jazz Festival: Yellow Jackets, Joao Bosco e Grupo, GeriAllen ‘Timeline’ Electric Group, Johann Strauss Big Band, Randy Brecker/Bill Evans Soulbop Band 2004, Dave Douglas Electric Band "Freak In" with DJ Olive, Paulo Bellinati and Monica Salmaso, Toby Foyeh and Orcestra Africa, John Scofield Trio with Steve Swallow and Bill Stewart u Deborah Carter Group.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja l-isponsors tal-festival, li mingħajr l-appoġġ finanzjarju tagħhom avveniment bħal dan ma jkunx jista’ jittella, lid-direttur artistiku u lil dawk kollha li qed jagħtu sehemhom biex il-festival ikun suċċess.
DOI - 26.05.2004
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en