FTUĦ TA’ BUSINESS TRAINING ROOM F’GĦAWDEX
FTUĦ TA’ BUSINESS TRAINING ROOM F’GĦAWDEX
L-Onor Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex inawgurat Business Training Room fl-Uffiċċju li għandha l-Malta Enterprise fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija.
Din il-unit, li hi l-ewwel waħda tat-tip tagħha f’Għawdex, għandha l-għan li tkun il-post centrali minn fejn isiru seminars ta’ informazzjoni ndirizzati lill-intraprendituri Għawdxin kif ukoll sessjonijiet u korsijiet ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid imfassla skond il-ħtiġijiet tas-suq lokali. It-twaqqif ta’ din it-training room għandu jagħti spinta oħra lill-qasam ta’ l-iżvilupp tar-riżorsi umani f’Għawdex filwaqt li sservi bħala sors ta’ informazzjoni u għarfien dwar il-possibilitajiet u l-faċilitajiet eżistenti fir-rigward ta’ l-intrapriża lokali.
Waqt diskors ta’ l-okkażjoni, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor Giovanna Debono tkellmet dwar il-ħtieġa li l-intrapriżi lokali jżommu rwieħhom aġġornati ma’ prattiċi internazzjonali u ma’ żviluppi oħra fil-qafas leġislattiv u tekniku li jinbidlu minn żmien għal ieħor.
Il-Ministru Debono qalet li l-futur ta’ l-intrapriża f’pajjiżna jiddependi ħafna fuq il-ħiliet tagħna li nadattaw għal dak li jeħtieġ is-suq. “Dak li aħna konna kapaċi nwettqu snin ilu sabiex l-ekonomija ta’ pajjiżna bdiet isserraħ b’mod qawwi fuq il-qasam tal-manifattura, illum, iktar minn qabel, nistgħu nwettquh sabiex inżommu lilna nfusna kompetittivi fuq firxa iktar wiesa’ ta’ opportunitajiet li jistgħu jirrendu iktar mill-qasam tal-manifattura fil-preżent”.
Il-Ministru għal Għawdex qalet li l-ftuħ ta’ din il-unit ġdida f’Għawdex huwa konferma ta’ kemm il-Gvern jifhem il-ħtieġa li nadattaw irwieħna għall-ħtiġijiet tas-suq. "Permezz tal-ftuħ ta’ din il-unit il-Gvern qiegħed jersaq eqreb tal-poplu sabiex, b’mod prattiku joffrilu s-servizzi u l-għajnuna tiegħu sabiex l-intraprenditur lokali ikun kapaċi jaġġorna ruħu u jaħtaf l-opportunitajiet eżistenti”.
Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u l-opportunitajiet ġodda li ġġib lill-intrapriża lokali. Il-Ministru qalet li pajjiżna jinsab fil-bidu ta’ żminijiet mill-iktar interessanti. Jeħtieġ li f’dawn iż-żminijiet l-intrapriża ta’ pajjiżna tkompli taqdef ’il quddiem u tfittex li tisfrutta il-ħafna opportunitajiet li s-sħubija ġġib magħha. Il-Ministru Debono qalet li, fuq kollox, jeħtieġ li l-intrapriża lokali ttejjeb l-investiment tagħha permezz ta’ diversi miżuri fosthom li żżomm lilha nnifisha aġġornata permezz ta’ informazzjoni kif ukoll li tinvesti fit-taħriġ, u taħriġ mill-ġdid, sabiex ir-riżorsi tagħna jkollhom dejjem iktar, ħiliet ġodda. Hija qalet li inizjattivi bħal din li ħadet il-Malta Enterprise hawnhekk f’Għawdex tista’ tagħti riżultati mill-iktar pożittivi jekk is-settur privat ukoll jagħraf l-importanza ta’ taħriġ u edukazzjoni kontinwa anke fil-qasam tax-xogħol.
Il-Ministru Debono qalet li s-suċċess ta’ pajjiżna, ukoll bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, jiddependi ħafna mis-suċċess ta’ l-intrapriżi żgħar u medji li jikkaraterizzaw l-ambjent ekonomiku tagħna. Hija qalet li l-Gvern dan jirrikonoxxih tant li ħoloq organizzazzjoni bħall-Malta Enterprise li qed tfittex li tgħin u tagħti s-sostenn kollu possibbli lill-intrapriża ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Debono temmet id-diskors tagħha billi rringrazzjat pubblikament lill-Malta Enterprisegħall-ftuħ ta’ din l-ewwel unit f’Għawdex.
DOI - 25.05.2004
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en