Left arrow Go Back

FTEHIM MAL-PBS DWAR PROGRAMMI B’KONTENUT KULTURALI

PR874
Date Icon 25/05/2004

FTEHIM MAL-PBS DWAR PROGRAMMI B’KONTENUT KULTURALI


Meta attenda għall-iffirmar ta’ kuntratt bejn il-Gvern u l-Public Broadcasting Services (PBS) dwar l-immaniġġjar mill-PBS ta’ l-Obbligu ghal Servizz Pubbliku, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-Politika Nazzjonali dwar ix-xandir kienet tistipula li jkun hemm kuntratt bejn il-Gvern u l-PBS dwar il-kontenut ta’ servizz pubbliku li l-Gvern ikun irid li jixxandar bi ħlas. Hu qal li skond l-Att dwar ix-Xandir, bħala Ministru responsabbli mill-kultura, kien assenjat ir-responsabbilta’ għall-politika dwar ix-xandir u għalhekk il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura kien se jkun responsabbli mill-Extended Public Service Obligation, li hu definit bħala programmi b’kontenut li l-Gvern, minħabba obbligazzjonijiet internazzjonali u lokali, irid li jkunu trasmessi mill-PBS u li għalihom il-Gvern irid iħallas.

Francis Zammit Dimech qal li dak li jikkonċerna lill-Gvern huma dawk l-obbligazzjonijiet li huma ta’ natura ta’ servizz pubbliku, għaliex huma dawn l-obbligazzjonijiet li jridu jiġu finanzjati mill-Gvern. Hu qal li kien importanti li dawn l-obbligazzjonijiet jiġu identifikati u dettaljati u hu anke importanti li r-relazzjoni bejn il-Gvern u l-PBS tkun tali li tagħti trasparenza u accountability. Hu qal li dan kollu jwassal biex ikun hemm kuntratt bejn il-Gvern u x-Xandar għal servizz pubbliku li fih ikun dettaljat il-kontenut li l-Gvern ikun irid lill-PBS tittrasmetti u li għalih titħallas. Hu qal li dawn il-programmi huma dawk orjentati kulturalment, edukattivi u soċjali – programmi li normalment ma jattirawx avviżi.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern jemmen li l-extended public service obligationsgħandhom ikopru dawn il-programmi:

1.       it-trasmissjoni ta’ avvenimenti ta’ karattru nazzjonali kif determinat mill-Gvern minn żmien għal żmien;

2.       Trasmissjoni bir-radju tal-Parlament;

3.       Avviżi pubbliċi;

4.       programmi ta’ ġrajjiet kurrenti li jkopru topics soċjali, kulturali, edukattivi, industrjali u ta’ natura politika;

5.       programmi li jitrattaw topics reliġjużi u t-trasmissjoni tal-quddiesa fil-Ħdud u festi kmandati;

6.       programmi li jkollhom it-tfal bħala l-udjenza ewlenija;

7.       programmi bażati fuq drama oriġinali bil-Malti;

8.       programmi li huma fin-natura tagħhom kulturali iżda l-aktar dawk li  jgħollu il-lingwa Maltija u l-kultura;

9.       programmi fuq Għawdex u b’mod partikolari li joħorġu s-soċjeta’, il-kultura u l-mod kif jgħixu l-Għawdxin;

10.  programmi li jiffukaw fuq il-komunitajiet Maltin barra l-pajjiż;

11.  programmi ta’ informazzjoni ġenerali; u

12.  programmi li huma fin-natura tagħhom edukattivi.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura qal l-kuntratt fih 25 klawsola li fost affarijiet oħra jittrattaw l-għoti ta’ kuntratt lill-PBS dwar il-Public Service Obligation (PSO) biex ikun jista’ jiġi operat dan is-servizz, l-obbligazzjonijiet għal servizz pubbliku, is-servizzi li jridu jingħataw bħala parti mill-extended PSO, metodi ġodda biex jiġu pprovduti s-servizzi, il-perijodu tal-kuntratt, servizzi li jridu jingħataw skond il-liġi u kumpens finanzjarju għas-servizzi.

Francis Zammit Dimech tkellem imbagħad dwar kif ser jaħdem il-kuntratt bejn il-Gvern u l-PBS. Hu qal li

·        Il-Gvern ser iħabbar l-allokazzjoni għall-kuntratt tal-PSO fl-estimi ta’ kull sena;

·        Il-Ministeru responsabbli mill-Kultura, wara konsultazzjoni, igħid x’inhuma r-rekwiżiti tiegħu ghas-sentejn li jkunu ġejjin. Dawn jinkludu t-tip ta’ programmi, kemm ikunu twal, kemm jixxandru spiss.

·        Il-PBS tistma l-ispiża biex tissodisfa dawn ir-rekwiżiti;

·        Il-PBS iżżomm dettalji dwar l-infiq għal kull programm;

·        Jekk programm taħt dan il-kuntratt ikollu dħul mill-pubbliċità, nofs dan id-dħul irid jibqa’ fil-programm u jitnaqqas mill-allokazzjoni tal-Gvern;

·        Jekk fl-aħħar tas-sena l-PBS tispiċċa minn fuq minħabba li daħlu aktar riklami, il-PBS iżżomm nofs il-qligħ, kwart tal-qligħ imur lura għand il-Gvern u kwart jiżdied ma’ l-allokazzjoni għall-PSO tas-sena ta’ wara.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien jemmen li dawn ir-riformi kienu se jwasslu biex ikun hemm qabża fil-kwalita’ tal-programmi u li l-element edukattiv u kulturali ikun wieħed għoli. Hu qal li wieħed mill-effetti tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kien li kiber l-interess fil-kultura u l-arti. Hu qal li dan ir-rinaxximent kulturali u artistiku ridna nżommuh u nkattruh għaliex il-kultura kienet tagħżilna minn nazzjonijiet oħra u kienet mezz importanti biex inżommu l-identita’ tagħna. Hu qal li l-kontribut li seta’ jagħti l-PBS f’dan ir-rinaxximent kien wieħed kbir u importanti u l-Gvern kien se jagħmel ħiltu biex fis-sehem li se jagħti bħala parti mill-obbligazzjoni tiegħu għal servizz pubbliku,  ikun hemm enfasi qawwija fuq l-kultura u l-arti.

DOI - 25.05.2004

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow