Left arrow Go Back

L-IMPLIMENTAZZJONI TAC-CHARTER EWROPEW – SENA WARA

PR873
Date Icon 25/05/2004

“Sar ħafna iżda li kieku kellna aktar sinerġija fil-ħidma tagħna, kien ikollna eżerċizzju ta’ implimentazzjoni aktar effettiv.”  Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo dwar il-pubblikazzjoni tar-Rapport ta’ Ħidma rigward l-implimentazzjoni taċ-Charter Ewropew

“Huwa dmir il-Gvern li jimplimenta ċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar fil-politika tiegħu.  Jiena responsabbli li nara li dan isir u fl-aħħar sena ta’ ħidma jiena wegħedt li f’għeluq is-sena mill-implimentazzjoni ta’ dan iċ-Charter nippubblika rapport li fih ikun hemm indikazzjoni ta’ dak li sar, kif sar, kemm sar u fejn ma sar xejn.  Illum qiegħed nippubblika dan ir-rapport ta’ ħidma, li fih qiegħed ngħid ukoll kemm konna effettivi fl-implimentazzjoni ta’ dak li kien imwiegħed.

Dan għalhekk huwa rapport ta’ kemm sar mill-54 inizjattiva li kien fih il-Pjan ta’ Ħidma.  Konna kważi 54% effettivi fil-ħidma tagħna.  Mhux riżultat daqshekk ħażin, iżda lanqas m’huwa riżultat tajjeb.  Jonqos ħafna xi jsir.  Kellna bidu tajjeb u s-sena li ġejja jiena fiduċjuż li ser inkunu aktar effettivi.  Dan għaliex din is-sena kienet sena li fiha bdejna naħdmu fuq kunċetti ġodda.  Qegħdin nipprovaw inbiddlu l-mentalita’, noħolqu proċeduri ġodda, inħottu proċeduri qodma li konna nsibuhom komdi.  Qegħdin nimplimentaw politika imprenditorjali li titlob kontinwament innovazzjoni u riċerka.

Issa rridu nikkritikaw il-metodi wżati f’din il-ħidma, irridu nevalwaw il-ħidma tagħna u nitgħallmu mingħand xulxin, għaliex kien hemm fejn għamilna suċċess u fejn ma bdejniex.

Il-marka ta’ effettivita’ m’hijiex mogħtija biex ngħidu kemm morna tajjeb, iżda biex ngħidu kemm fadlilna x’nagħmlu.  Rapport ieħor li nħareġ mill-Unjoni Ewropea dwar il-policy indicators jindika kważi l-istess riżultat.

Il-kumment ġenerali huwa wieħed:  fejn ħdimna u ma kellniex bżonn nipperswadu Dipartimenti oħra jaħdmu magħna, morna tajjeb. Filwaqt li fejn kellna bżonn il-parteċipazzjoni ta’ oħrajn, ma morniex daqshekk tajjeb u saħansitra hemm fejn lanqas bdejna nimplimentaw l-inizjattivi tagħna.

Ser issir Konferenza Nazzjonali li fiha ser jiġi diskuss dan ir-rapport, u jiena nemmen li dan il-fattur għandu jkun wieħed mill-iżjed punti kkritikati u diskussi.

·        Għaliex ma rnexxilniex niksbu s-sinerġija meħtieġa?

·        Għaliex għandna min, fis-servizz pubbliku ma jifhimx il-ħtieġa ta’ l-implimentazzjoni serja taċ-Charter  Ewropew?

·        Għaliex għad għandna min huwa indifferenti u ppreġudikat kontra n negozji żgħar u s-self-employed, filwaqt li kulħadd jaqbel li s-self-employed u negozji żgħar huma l-mutur ta’ l-ekonomija?

·        X’jonqos isir biex din il-hidma flimkien, tkun akkwistata u hekk fis-sena li ġejja minn Ġunju 2004 sa Ġunju 2005 ikollna effettivita’ aktar fil-ħidma ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan iċ-Charter?

Dan ir-rapport qiegħed nippubblikah ukoll proprju meta bħalissa qed ikun mistoqsi x’sar mill-Unjoni Ewropea fl-implimentazzjoni ta’ dan iċ-Charter.  F’din is-sena li ġejja l-istess Unjoni Ewropea ser tagħti importanza:

·        Lill-edukazzjoni fl-Imprenditorija,

·        Lir-regolamentazzjoni aħjar, speċjalment dwar impact assessment, u

·        Lill-miżuri, biex ma jkunx hawn nuqqas ta’ nies fis-snajja’.

Dak li ser ikun diskuss fil-Konferenza Nazzjonali mbagħad mistenni li jkun il-bażi ta’ dibattitu fil-Parlament bħalma kien sar is-sena li għaddiet.

“L-aħħar kumment tiegħi: il-ħidma favur il-ħolqien ta’ l-aħjar ambjent fejn jistgħu jaħdmu fih is-self-employed u negozji żgħar, m’hijiex lussu għall-politika Maltija u Għawdxija, iżda hija l-akbar ħtieġa li għandha, jekk tassew irridu noħolqu l-impjiegi f’pajjiżna.  Dan għaliex filwaqt li setturi ta’ l-industrija u l-kummerċ stabbilit għaddejjin minn ristrutturar, is-settur tas-self-employed u negozji żgħar qiegħed jikber u dan qiegħed iseħħ bl-enerġija tiegħu stess.

Ejjew inħallu s-self employed jaħdmu, in-negozji żgħar jikbru u f’pajjiżna nkunu kapaċi noħolqu l-ġid,” temm jghid l-Onor. Edwin Vassallo.  

DOI – 25.05.2004

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow