“M’HUX AĊĊETTABBLI LI JKOLLNA ŻIEDA FIL-PREZZIJIET” - IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
“M’HUX AĊĊETTABBLI LI JKOLLNA ŻIEDA FIL-PREZZIJIET” - IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-Onor. Edwin Vassallo, kellu laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ ufficjali tad-Dipartimenti tal-Gvern u persuni fin-negozju. Din il-laqgha kienet kontinwazzjoni ta’ laqgħat oħra li saru fil-ġimgħat li għaddew, bhala parti minn skeda ta’ konsultazzjoni maħsuba biex ikun hemm qsim ta’ esperjenzi u informazzjoni bejn l-istess uffiċjali minn Dipartimenti tal-Gvern u persuni fin-negozju.
“Din il-laqgħa hija maħsuba biex tkun parti minn proċess ta’ għoti ta’ informazzjoni kemm mill-Gvern lil min qiegħed fin-negozju, kif ukoll ta’ għoti ta’ informazzjoni min-naħa ta’ min qiegħed fin-negozju lill-Gvern. Iżjed ma jkollna ż-żewġ naħat itejjbu s-servizz li qed jagħtu, iżjed ikollna suq intern moqdi tajjeb, u dan ifisser li l-konsumatur ikun moqdi bl-aħjar mod. Hija l-intenzjoni tiegħi,” qal is-Segretarju Parlamentari Vassallo, “li mhux biss kemm jista’ ikun innaqqas il-piżijiet tal-burokrazija fuq min qiegħed fin-negozju, biex in-negozju jkun jista’ jaħdem aħjar, iżda rridu wkoll li nnaqqsu l-burokrazija li joħloq in-negozjant fuq il-konsumatur”
F’din il-laqgħa, li għaliha kienu mistiedna diversi uffiċjali minn diversi Dipartimenti biex jisimgħu l-ilmenti u s-suġġerimenti ta’ min qiegħed fin-negozju, kif ukoll biex jagħtu l-informazzjoni lil min qiegħed fin-negozju, kienet laqgħa li għaliha attendew numru kbir ta’ imporaturi u sidien ta’ negozji. F’din il-laqgħa ġew diskussi proċeduri tad-Dwana u d-diffikultajiet li għadhom qed jiltaqgħu magħhom l-importaturi. Ġie spjegat ukoll kif jaħdem il-proċess tas-sorveljanza fis-suq sabiex ikun garantit li mhux qegħdin jitqiegħdu prodotti perikolużi jew li jistgħu jagħmlu ħsara lill-konsumaturi fis-suq.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo stqarr ma’ dawk preżenti li: “l-Gvern mhux ser jaċċetta li jkollna żieda fil-prezzijiet taz-zokkor, u ma jistax ikun li jaċċetta li jkollna żieda fil-prezz taz-zokkor. Minn hawn u ftit ieħor ser tkun qed taħdem proċedura li permezz tagħha jingħata sussidju fuq iz-zokkor, u dan biex il-prezz taz-zokkor jibqa’ stabbli u ma jkollniex żieda fil-prezz taz-zokkor. Għalhekk ma nistax nifhem kif f’din iċ-ċirkustanza fejn dan li qiegħed ngħid huwa tagħrif pubbliku, jkollna min irid jgħolli l-prezz taz-zokkor li kien impurtat żmien ilu. Il-Gvern ukoll għandu informazzjoni li s-sena li għaddiet kien mixtri biżżejjed zokkor li ma jistax ikollna possibilita’ ta’ nuqqas ta’ zokkor. Il-Gvern għandu l-possibilita’ legali li jista’, jekk jiddeċiedi li hekk ikun meħtieġ, joħroġ ‘price order’ fuq iz-zokkor kemm-il darba jkun meqjus li qed jiffaċċja sitwazzjoni, fejn il-liġi tippermettilu jieħu din l-azzjoni.”
“Għalhekk il-parir tiegħi huwa biex ħadd ma jaċċeta li jixtri zokkor bi prezz għola minn dak magħruf. Din l-informazzjoni qiegħed nagħtiha fuq l-informazzjoni li għandi llum, li donnu qed ikollna min qiegħed jipprova joħloq nuqqas ta’ prodotti oħra mportati li huwa stess beda jġib. Il-kompetizzjoni ħielsa ma tistax tippermetti li issa jkollna min ikollu dominju fis-suq.”
Dwar il-kumplament ta’ l-importazzjoni kif ser tkun qed taffettwa s-suq tal-manifattura lokali, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo kkummenta li dak li qed jiġri fis-suq, issa miftuħ, ta’ l-importazzjoni ta’ l-ikel diġa’ ġara fis-setturi oħra ta’ l-importazzjoni. Maż-żmien u dan fi ftit gimgħat, kull importazzjoni ta’ kull prodott ser issib postha u kull prodott jistabbilixxi ruħu fis-suq bħala prodott tajjeb jew mhux daqshekk tajjeb. Illum kull importatur qed jipprova kull tip ta’ importazzjoni.
Il-konsumatur ukoll qed jipprova kull prodott offrut, iżda fi ftit xhur ikunu stabbiliti liema mill-prodotti mportati llum ser jirbħu l-kompetizzjoni. Infatti diġa’ għandna prodotti manifatturati Malta li l-konsumatur qed iqis li huma aħjar fil-kwalita’ mill-prodotti simili li qed ikunu mportati. Min qiegħed fil-manifattura Maltija u qiegħed joffri prodott tajjeb mhux ser jitlef postu mis-suq. Hekk ukoll ir-raħħala u l-bdiewa tagħna li qegħdin joffrulna prodott frisk m’għandhomx jaqgħtu qalbhom li ser jililfu posthom fis-suq. Il-haxix tal-friża li jinbiegħ b’ħaxix u frott frisk, mhux ser jikkompeti ma’ prodott lokali għaliex il-prodott lokali għandu l-vantaġġi tiegħu. Il-kompetizzjoni mhix ser tintrebaħ fuq il-kwistjoni biss tal-prezz iżda wkoll tal-kwalita’.
Diversi suġġetti oħra kienu diskussi f’din il-laqgħa. Is-Segretarju Parlamentari wiegħed li huwa ser ikun qrib ta’ dawk kollha li jkunu jridu jkellmuh u talab lil dawk preżenti biex ikunu pronti u jirrappurtawlu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom. “L-impenn tiegħi huwa li nnaqqsu kemm jista’ jkun kull tfixkil li intom bħala negozjanti tiltaqgħu miegħu iżda daqshekk ieħor l-impenn tiegħi huwa li nara li l-konsumatur jinqeda mill-aħjar li jista’ u jieħu l-valur tal-flus li jħallas”.
DOI – 25.05.2004
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en