Left arrow Go Back

TAGĦRIF FUQ IL-KITBA MALTIJA - ĠABRA SĦIĦA TAR-REGOLI TA’ L-ORTOGRAFIJA

PR815
Date Icon 18/05/2004

TAGĦRIF FUQ IL-KITBA MALTIJA   - ĠABRA SĦIĦA TAR-REGOLI TA’ L-ORTOGRAFIJA

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjieg flimkien ma’ l-Akkademja tal-Malti nieda l-ktieb ‘Tagħrif fuq il-Kitba Maltija’, fid-dawl tal-liġi l-ġdida li tistabilixxi l-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti. 

Dan il-ktieb jiġbor fih it-tliet pubblikazzjonijiet, maħruġa mill-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti u mill-Akkademja tal-Malti, imsemmija fil-liġi dwar l-Ilsien Malti li qed tigi diskussa fil-Parlament. Il-ktieb jiġbor fih dokumenti storiċi li huma: It-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (li ġie ppubblikat fl-1924), Żieda mat-Tagħrif (li ġie ppubblikat fl-1984), u Aġġornament tat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (li ġie ppubblikat fl-1992).  Dawn it-tliet xogħlijiet iħaddnu ġrajja ta’ kważi seklu sħiħ, is-seklu għoxrin, bl-isforzi ta’ l-ifjen kittieba u l-aqwa studjużi li kellha Malta.

Dan il-ktieb jistabbilixxi standard bażi li qed taddotta l-liġi għall-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti. Tagħrif fuq il-Kitba Maltija jħaddan il-publikazzjonijiet kollha ta’ l-Akkademja tal-Malti dwar l-ortografija li ħarġu matul is-seklu għoxrin u għalkemm sar xi ftit aġġornament ma ntmess xejn mill-oriġinali.  F’każi fejn xi regola nbidlet ingħatat nota ta’ direzzjoni biex twassal lill-qarrej għall-aħħar aġġornamenti li seħħew.

Il-Ministru Louis Galea qal li l-ġabra preżenti hija xhieda tal-ħidma ta’ l-Akkademja, ħidma li qatt ma tehda.  Fuq kollox hi ġabra li turi li l-Malti huwa lsien semitiku miktub b’alfabett Latin u b’hekk lingwa unika.  Hu qal li dan il-ktieb ġie ppubblikat bħala parti mill-proċess li permezz tiegħu se tidħol fis-seħħ il-liġi li permezz tagħha jinħoloq il-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti li jrid jibda l-ħidma tiegħu biex filwaqt li jseddaq il-lingwa Maltija ikompli jiżviluppaha tul iż-żminijiet biex tibqa’ rilevanti u wżata.

Louis Galea qal li l-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti, irid jara li jkun imħares il-wirt lingwistiku u letterarju u fl-istess ħin jibni programm nazzjonali u internazzjonali matur li jinkludi l-ambjent attwali, jiġifieri li jqis il-qagħda bilingwa u l-isħubija fl-Unjoni Ewropea. Il-kunsill irid ukoll jifhem li l-Ilsien Malti jeħtieġ iwieġeb għar-realtajiet u l-isfidi tas-soċjetà Maltija li trid tipparteċipa f’dinja ta’ globalizzazzjoni u ta’ soċjetajiet multi-kulturali u pluralistiċi. 

Il-Ministru Galea qal li se jkompli jaħdem biex kull min għandu kontribut x’jagħti biex jissaħħah l-Ilsien Malti, fosthom in-nies ta’ l-Università, ta’ l-Akkademja u ta’ l-għaqdiet imwaqqfa favur l-Ilsien Malti, jkunu jistgħu, f’atmosfera ta’ ftehim u djalogu, jaħdmu ħalli l-iskopijiet tal-liġi jintlaħqu.

Dr. Charles Briffa, President ta’ l-Akkademja tal-Malti qal li it-tnedija ta’ din l-edizzjoni, immedjatament wara d-dħul uffiċjali ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, tagħraf qabel xejn li l-Malti huwa l-ilsien ta’ din l-Art Ħelwa li jagħti identita’ nazzjonali, u issa wkoll Ewropea għax huwa wieħed mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Ewropa, lill-Maltin.  Preżenti wkoll għal din l-okkażjoni kien hemm is-Sur Joe Mizzi, Direttur ta’ Klabb Kotba Maltin, il-Pubblikaturi ta’ dan il-ktieb.

DOI – 18.05.2004

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow