"BIEX MALTA TIKBER FL-UE, FLIMKIEN IRRIDU NIFFAĊILITAW IN-NEGOZJU" - EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI
"BIEX MALTA TIKBER FL-UE, FLIMKIEN IRRIDU NIFFAĊILITAW IN-NEGOZJU" - EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI
"Biex Malta tikber fl-Unjoni Ewropea, irridu nkunu aktar kompetittivi, irridu nagħmlu tagħna l-aġenda ta’ Lisbona: Nagħmlu mill-Unjoni Ewropea l-aktar ekonomija dinamika u kompetittiva’fid-dinja bbażata fuq l-informazzjoni.
Sabiex jirnexxilna nagħmlu dan irridu naraw li f’pajjiżna ilkoll kemm aħna naħdmu biex kull negozju, ta’ kull daqs u settur, servizz, professjoni u ndustrija huwa mogħti l-opportunita’ u mgħejjun biex ikun l-aktar negozju dinamiku u kompetittiv fid-dinja bbażat fuq l-informazzjoni.
Għalhekk jiena nemmen li f’din l-ewwel sena ta‘ Malta fl-Unjoni Ewropea, sena ta’ tranżizzjoni, minn sistema kif imdorrija biha għal sena t‘opportunitajiet u sfidi ġodda, jiena bħala Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed ser nkompli naħdem biex:
a. Inkun disponibbli u qrib ta’ kull negozju f’kull settur,
b. Nara li din is-sena ta’ tranżizzjoni ma jkolliex effetti negattivi fuq is-sistema kummerċjali tagħna u hekk nieħdu kull opportunita’ mis-sħubija.
c. Inkun qrib ta’ kull attivita’ kummerċjali u hekk inkun konxju taċ-ċirkustanzi, opportunitajiet u sfidi li tkun qed tiffaċċja.
d. Insaħħaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ kull settur tan-negozju, servizz, professjoni u ndustrija .
Għalhekk il-Pjan ta’ Ħidma tiegħi għall-ewwel sena ta’ Malta pajjiż fl-Unjoni Ewropea ser ikollu t-titlu:
Biex Malta tikber fl-Unjoni Ewropea, irridu niffaċilitaw in-negozju flimkien.
Pajjiżna fl-Unjoni Ewropea għandu l-obbligu li jimplimenta ċ-Ċarter Ewropew għan-Negozji Żgħar. Sabiex f’pajjiżna naraw li dan ikun implimentat, jiena, bħal m’għamilt fis-snin li għaddew, nippubblika Pjan ta’ Ħidma (business Plan) li jagħti indikazzjoni ta’ x’ser ikunu l-objettivi ta’ ħidma li ser issir.
Dan il-Pjan huwa ta’ indikazzjoni u direzzjoni fil-ħidma, prinċipalment tal-Commerce Division, Consumer and Competition Divison, Malta Standards Authority u l-Malta Enterprise. Ma’ dawn l-organizzazzjonijiet li jifformaw il-qofol ta’ l-istrutturi li jagħtu servizz lis-Suq Intern tkun ikkordinata ħidma ma diversi entitajiet oħra li huma mxerrda fl-organizzazzjoni ta’ l-Amministrazzjoni Governattiva kif ukoll l-għaqdiet tan-negozju u l-imprendituri nfushom li magħhom inżommu konsultazzjoni.
Għażilt li għall-ewwel sena tas-sħubija fl-Unjoni nagħti din l-aġenda u direzzjoni għaliex nemmen li l-kompetittivita’ tfisser li f’pajjiżna rridu naraw ħidma biex twassalna lkoll flimkien niffaċilitaw in-negozju.
Din ser tkun l-ewwel sena li pajjiżna ser jgħix bħala pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea, ser tkun sena li fiha ser naraw li jiġu mplimentati bidliet fil-proċeduri li permezz tagħhom ikun irregolat in-negozju. Ser naraw ukoll bidliet fil-proċeduri li l-istess imprendituri jimplimentaw fin-negozji tagħhom. Din hija sena ta’ tranżizzjoni minn sistema għal oħra, hemm opportunitajiet li rridu nirbħu, hemm sfidi li n-negozji tagħna jridu jegħelbu u hemm proċeduri amministrattivi li ser jibdew jitħaddmu. Dan kollu rrid insegwih biex nara li f’din is-sena, in-negozju mhux biss isir bhas-soltu iżda jiżdied il-valur miżjud ta’ kull settur. Jekk ikun hemm impatt negattiv irridu neliminawh u kull żvantaġġ irridu naraw li ndawwruh f’vantaġġ. Din hija s-sena li nemmen li bħala prijorita’ rridu naraw li niffaċilitaw in-negozju."
Dan kien id-diskors li bih is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo laqa’ lir-rappreżentanti ta’ l-Għaqdiet tan-Negozju li attendew għal-laqgħa ta’ konsultazzjoni li saret bejn is-Segretarju Parlamentari Vassallo u rappreżentanti tal-Malta Enterprise u l-iSmall Business and Crafts Directorate, il-Commerce Division, il-Malta Standards Authority u l-Consumer and Competition Division.
F’din il-laqgħa kien spjegat lil dawk li attendew kif għall-aħħar ġimgħa ta’ dan ix-xahar ser ikun ippubblikat rapport li jindika kif kien implimentat il-Pjan għas-sena ta’ ħidma li bdiet minn Mejju ta’ l-2003 sa Mejju ta’ l-2004. Dwar dan ir-rapport u l-implimentazzjoni taċ-Ċarter Ewropew għan-Negozji Żgħar ser issir konferenza bejn dawk kollha li kienu kkonċernati biex tkun diskussa l-ħidma li twettqet u fejn ma twettqitx.
F’din il-laqgħa s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo talab lill-għaqdiet tan-negozju li jagħtuh proposti li jistgħu jkunu nklużi fil-Pjan ta’ Ħidma għal Mejju 2004 sa Mejju 2005 li għandu jġib fis-seħħ l-aġenda li ser twassal biex tkompli tkun żviluppata f’pajjiżna Politika Mprenditorjali li għandha tagħmel differenza għal kull min qiegħed f’attivita’ kummerċjali. Dan għaliex din tissimplifika proċeduri u tħaffef il-kummerċ u fuq kollox tiffaċilita l-kummerċ.
Fil-laqgħa s-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li huwa ser ikun qed jiltaqa’ personalment ma’ diversi għaqdiet tan-negozju minn kull settur kummerċjali, professjonali u ndustrijali biex din l-aġenda tkun diskussa aktar fid-dettal, kif ukoll talab biex kull għaqda tan-negozju tixpruna diskussjoni nazzjonali fuq il-benchmarks li issa permezz tagħhom pajjiżna qed ikejjel kemm huwa kompetittiv meta mqabbel ma’ pajjżi oħra. Hawn ingħatat ukoll informazzjoni dwar l-Enterprise Policy Indicators ta’ l-2003 li juri kif pajjiżna huwa s-sittax-il pajjiż skond il-high performing indicatorsminn lista ta’ 27 pajjiż li qed ikunu mkejla. Filwaqt li skond il-lista li tindika l-areas of strength,pajjiżna huwa indikat li huwa fost il-pajjiżi li ma żviluppawx is-servizzi meħtieġa għan-negozji tagħhom.
Informazzjoni li tqassmet f’din il-laqgħa, li turi tabelli kif ippubblikati bħala Enterprise Policy Indicators 2003, ħareġ kif l-enterprise policy hija magħmula minn dawn l-objettivi li fuq kollox huma wkoll fost l-objettivi tal-European Charter for Sme’s:
1. Access to finance
2. The regulatory and administrative environment
3. Open and well-functioning market
4. Entrapreneurship
5. Human Resources
6. Innovation and knowledge diffusion
7. Information and communication technologies
8. Sustainable development
"Dawn huma indikazzjonijiet li permezz tagħhom ġiet imkejla l-ħidma li twettqet f’Malta biex tkun implimentata l-Enterprise Policy. Din hija realta’ ġdida li issa pajjiżna jrid jiffaċċja. M’għadniex iżjed nimxu għal rasna, iżda rridu nagħmlu dak kollu li wiegħdna li nagħmlu, li fil-fehma tiegħi meta jsir ikun qed igawdi minnu kull min jagħmel negozju f’pajjiżna u hekk igawdi minnu l-ħaddiem ukoll għaliex ikollna iżjed xogħol maħluq.
Nitlobkom tiddiskutu dawn l-indikazzjonijijet fl-għaqdiet rispettivi tagħkom, agħtuni s-suġġerimenti tagħkom. Irridu noħolqu sinerġija f’impenn u ħidma kollettiva. Irridu flimkien niffaċilitaw in-negozju. Irridu ntejjbu ċ-ċirkustanzi li fihom qiegħdin naħdmu. Is-sena li għaddiet sar ħafna, iżda jonqos tant iżjed biex nagħmlu d-differenza. Persważ li l-indikazzjonijiet tas-sena 2004 ser juru li pajjiżna huwa aktar kompetittiv minn kif qed ikun indikat għas-sena 2003 iżda biex isir dan, irridu nieħdu deċiżjonijiet b’ħeffa u b’sinerġija speċjalment biex inġibu fis-seħħ ħafna xoghol li jonqos ftit biex ikun implimentat.”
Hawn is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo temm din il-laqgħa billi talab ukoll lin-negozji nfushom biex huma wkoll jipparteċipaw u jibgħatu l-proposti tagħhom ta’ x’ħidma jixtiequ li jaraw li ssir biex permezz tagħha jkun implimentat iċ-Ċarter Ewropew għan-Negozji Żgħar tagħna li fuq kollox huma il-qofol ta’ l-ekonomija tagħna.
"Kemm-il darba niffaċilitaw in-negozju, pajjiżna jkun kompetittiv u pajjiżna jkun jista’ jieħu l-opportunitajiet kollha ta’ sħubija. Jekk nitilfu din l-opportunita’ li nifhmu li sħubija fl-Unjoni Ewropea tfisser opportunita’ biex pajjiżna jkun kompetittiv permezz ta’ implimentazzjoni ta’ prinċipji, kif mogħtija fiċ-Ċarter Ewropew għan-Negozji Żgħar, inkunu qed inċaħħdu lin-negozji tagħna l-opportunita’ li dawn jagħmlu iżjed negozju u hekk noħolqu aktar ġid. L-Unjoni Ewropea tikber fil-kompetittivita’ tagħha kemm-il darba tikber l-abilita’ kompetittiva ta’ kull pajjiż membru u biex dan isir, il-pajjiżi membri jikkompetu bejniethom min joffri l-aħjar servizz lin-negozju tiegħu. Għalhekk kull sena l-Unjoni Ewropea tkejjel il-performance ta’ kull pajjiż f’dik li hija l-implimentazzjoni taċ-Ċarter Ewropew. Jiena nemmen li flimkien kapaċi nifhmu bħala amministrazzjoni x’inhu dmirna lejn min qiegħed fin-negozju."
DOI – 03.05.2004
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en