ĠIMGĦA EWROPEA GĦAS-SAĦĦA U SIGURTA’
ĠIMGĦA EWROPEA GĦAS-SAĦĦA U SIGURTA’
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi Louis Galea ħabbar il-Ġimgħa Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol li hi parti minn kampanja li qed issir fl-Ewropa kollha biex tqajjem kuxjenza dwar ir-riskji u l-perikli fis-settur tal-kostruzzjoni. Kulħadd jaf li wieħed mis-setturi li l-aktar jinvolvi riskju għas-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema huwa dak tal-kostruzzjoni u mhux biss f’pajjiżna. Fl-UE, standards baxxi ta’ saħħa u sigurtà fil-kostruzzjoni jiswew aktar minn € 75 biljun kull sena. F’Malta s-sena l-oħra kellna 571 inċident rappurtat f’dan is-settur – 12% ta’ l-inċidenti kollha. Dan minbarra id-diversi inċidenti li ma jiġux irrappurtati għal raġunijiet differenti.
Iċ-Chairperson ta’ l-Awtorita għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol Dr. Joanna Drake qalet li l-kampanja tal-Ġimgħa Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol se tilħaq il-qofol tagħha bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru. Il-messaġġ ta’ din is-sena huwa "Nibnu fis-Sigurtà" (Building in Safety) – messaġġ li għandu żewġ tifsiriet importanti. L-ewwelnett li meta jsir xogħol ta’ bini, dan għandu jsir dejjem b’mod li ma jkunx ta’ periklu għas-saħħa u s-sigurtà, u t-tieni li hemm bżonn ta’ aktar investiment fis-saħħa u s-sigurtà biex nibnu fis-sod. Se jsiru għadd ta’ attivitajiet kemm matul is-sena kif ukoll fil-Ġimgħa. Dawn jinkludu tqassim ta’ informazzjoni dwar is-settur tal-kostruzzjoni, seminars u taħriġ, spots ta’ informazzjoni fuq it-televiżjoni, fost oħrajn. Barra minn dan, l-Awtorità se tieħu sehem ukoll fil-Fiera tal-Kostruzzjoni li se ssir bejn it-12 u s-16 ta’ Mejju li ġej.
Dr. Drake ħabbret ukoll li għat-tielet sena konsekuttiva, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol qed tniedi l-Premju ta’ Prattika Tajba fis-saħħa u s-sigurtà. Din is-sena, it-tema se tkun il-kostruzzjoni. Hemm tlett kategoriji ewlenin:
- Self-employed
- min jimpjega inqas minn 25 ruħ
- min jimpjega aktar minn 25 ruħ
Ir-rebbieħa se jkunu jistgħu mbagħad jipparteċipaw fuq livell Ewropew mar-rebbieħa mill-pajjiżi membri ta’ l-UE l-oħra. Iċ-ċerimonja finali ta’ dawn il-premjijiet Ewropej se ssir f’Bilbao fi Spanja fit-22 ta’ Novembru. Id-data ta’ l-għeluq ta’ l-applikazzjonijiet hija d-9 ta’ Ġunju.
Louis Galea qal li f’Malta għandna qbil bejn kulħadd dwar l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Min-naħa tiegħu, il-Gvern huwa kommess li jiżgura livelli għoljin ta’ standards ta’ saħħa u sigurtà f’kull post tax-xogħol bl-iskop li nnaqqsu l-inċidenti u ntejjbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kull ċittadin. Biex dan iseħħ, hemm bżonn l-impenn ta’ kulħadd – f’kull pożizzjoni f’kull post tax-xogħol. Huwa essenzjali li naqsmu l-esperjenzi u l-opinjonijiet tagħna biex nilħqu dawn l-iskopijiet.
Il-Ministru sostna li f’dawn l-aħħar ftit snin, rajna żviluppi importanti fil-liġijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-qasam u bil-proċess ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, daħħalna qafas ta’ liġijiet li fi żmien tlett snin irdoppja n-numru ta’ dawk li kellna qabel. "Issa huwa l-mument li naraw li dawn il-liġijiet ikunu verament infurzati u jibdew jagħtu l-frott mistenni u meħtieġ bis-serjeta’, mhux biex jidher sabiħ il-Gvern jew l-Awtorita’ iżda biex il-ħaddiema u l-familji tagħhom ikunu aktar protetti u jkomplu xogħolhom b’moħħom mistrieħ."
"Livelli għolja ta’ saħħa u sigurtà jgawdi minnhom kulħadd u għandhom ikunu l-iskop ta’ kull wieħed u waħda minna. Wasal iż-żmien li min iħaddem jinvesti bis-serjetà fis-saħħa u s-sigurtà u min jaħdem iħares lejn is-saħħa u s-sigurtà bħala fundamentali u tiegħu bi dritt – daqs jekk mhux aktar – mill-paga," qal Il-Ministru Galea.
L-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għandha poter li tieħu azzjoni kontra min jikser il-liġi. S’issa l-Awtorità kienet qed taħdem l-aktar biex lil min iħaddem – fis-settur publiku u privat – jirriforma u jattrezza ruħu biex ikun hemm aktar saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dan kien qed isir ukoll biex ikun hemm l-istrutturi maħsuba bil-liġi li huma ntiżi biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ l-istess liġi.
Għalkemm l-infurzar tal-liġi se jkun parti ewlenija mill-ħidma ta’ l-Awtorita’, huwa impossibbli li din tkun f’kull ħin, f’kull post tax-xogħol, tissorvelja lil kull ħaddiem u kull attività ta’ xogħol li ssir. Din hi mentalità żbaljata u li bil-provi ma taħdimx. Jekk il-ħaddiema u min iħaddem josserva l-liġijiet dwar is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol biex jevita xi ċitazzjoni mela ikun intilef kompletament l-iskop. Is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol hi kultura li trid titrawwem u tinżamm ħajja f’kull lant tax-xogħol għax hi ta’ benefiċċju kemm għall-ħaddiem kif ukoll għal min iħaddem.
Għaldaqstant l-Awtorità qed timpenja ruħha biex tinforma u teduka, anke lill-ħaddiema dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, mingħajr ma tibqa’ lura milli tapplika il-liġi meta jkun hemm bżonn.
Louis Galea ħabbar wkoll li l-Awtorità għadha kemm ingħatat ċertifikat ta’ kompetenza minn grupp ta’ esperti li ġew Malta biex jevalwaw il-mod kif taħdem u l-kapaċita’ tagħha li tinforza l-liġi. Dan il-grupp ta’ esperti mill-UE qalu li fil-fatt l-Awtorità hija fuq l-istess livell u ta’ l-istess kalibru ta’ entitajiet bħalha fl-UE. Kienu biss Malta u Ċipru li ingħataw dan ir-riżultat.
Il-Ministru Galea temm jgħid li huwa importanti li flimkien naħdmu id f’id biex in-numru ta’ inċidenti jonqos f’kull settur partikolarment f’dawk is-setturi li għandhom l-ogħla riskji. B’hekk l-iskop ta’ din l-inizjattiva hu li nħeġġu lil kull min b’xi mod huwa involut fis-settur tal-kostruzzjoni biex jagħmel pass ‘il quddiem biex itejjeb il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-qasam tal-kostruzzjoni. Dan ikun rikonoxxut – mhux biss fiċ-ċerimonja ta’ l-għoti tal-premjijiet iżda wkoll mill-fatt li min ikun involut jagħraf li għamel xi ħaġa ta’ ġid – kemm għalih u għall-intrapriża tiegħu, kif ukoll għall-ħaddiema li jaħdmu miegħu.
DOI – 30.04.2004
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en