IMĦABBRA PROĊEDURA ĠDIDA LEJN ĊERTIFIKAZZJONI TA’ PRODOTTI TA’ L-IKEL
IMĦABBRA PROĊEDURA ĠDIDA LEJN ĊERTIFIKAZZJONI TA’ PRODOTTI TA’ L-IKEL
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Kompetittivita’ u komunikazzjoni, l-Onor. Edwin Vassallo ħabbar kif, permezz ta’ żewġ Avviżi Legali maħruġa mill-Awtorita’ Maltija għall-Istandards, tnieda proċess ġdid li jiċċertifika prodotti ta’ l-ikel fuq regolamenti kif maħruġa mill-Unjoni Ewropea, u ser ikunu mplimentati mill-Awtorita’ Maltija għall-Istandards.
“Permezz ta’ dawn iż-żewġ Avvizi Legali Nru 182/04 u 183/04, il-produtturi ta’ l-ikel qed jingħataw l-opportunita’ li jiċċertifikaw il-prodotti tagħhom biex dawn mhux biss ikollhom standards għolja Maltin, iżda wkoll ikunu ċertifikati mill-Unjoni Ewropea. Dan huwa proċess li ser ikompli jgħin lil kull min hu fil-manifattura tal-prodotti ta’ l-ikel kemm fis-settur artiġjanali, kif ukoll agro-industrija li għandna f’pajjiżna.
Min ser jagħżel li juża din il-proċedura, ser ikun qed jagħmel użu minn proċess kif irregolat mill-Unjoni Ewropea li fuq kollox huwa maħsub biex jgħin lill-produtturi ta’ dawk il-prodotti ċertifikati biex dawn ikunu jistgħu jinbiegħu f’suq akbar minn dak ta’ Malta li huwa s-Suq ta’ l-Unjoni Ewropea.
Is-Suq Malti, minn nhar is-Sibt l-1 ta’ Mejju 2004 ser jifforma parti minn Suq Intern akbar li huwa dak ta’ l-Unjoni Ewropea, li ser iwassal biex il-produtturi u ndustrijalisti Maltin u Għawdxin ser ikollhom aċċess aktar effiċjenti u effettiv għal suq akbar. Huwa mistenni li bid-dħul ta’ għaxar pajjiżi mal-ħmistax preżenti, ikunu wieħed mill-akbar swieq fis-suq globali. Din hija opportunita’ li kull industrijalist u mprenditur Malti għandu jara kif igawdi minnha, l-aktar permezz ta’ proċeduri nterni f’kull settur industrijali maħsub biex isaħħaħ l-innovazzjoni u r-riċerka f’kull settur ta’ negozju.
Mir-riċerka u l-innovazzjoni naslu li jkollna aktar prodotti addattati għas-Suq Intern, issa li m’għadux aktar Suq ta’ erba’ mitt elf ruħ, iżda Suq ta’ kważi erba’ mitt miljun. Għalhekk l-użu ta’ din iċ-ċertifikazzjoni li huwa wkoll maħsub biex tgħin lill-konsumatur ikun konxju tal-kwalita’ tal-prodott, huwa ukoll mezz ieħor li permezz tiegħu nistgħu naslu li nipproteġu l-prodotti nnovattivi tagħna. Issa li pajjiżna huwa membru tas-Suq Ewropew, irridu nagħmlu l-aħjar użu minn dawn is-sistemi.
DOI – 29.04.2004
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en