Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FIL-FTUĦ TAL-KONFERENZA NAZZJONALI FUQ L-ATT PROPOST DWAR IS-SERVIZZ PUBBLIKU - SAN ĠILJAN - IL-ĦAMIS 22 TA’ JANNAR 2004

PR64
Date Icon 22/01/2004

Pajjiżna wasal f’punt kritiku fl-istorja tiegħu.  Għandu quddiemu numru ta’ sfidi u opportunitajiet. 

Fi żmien erba’ xhur, Malta ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropea.  Qed norganizzaw ruħna biex nisfruttaw il-benefiċċji kollha ta’ din l-isħubija fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll biex nagħtu l-kontribut tagħna – kontribut li jrid ikun ta’ l-istess livell tal-pajjiżi membri l-oħra. 

Pajjiżna qed jiffaċċja wkoll kompetizzjoni sfrenata f’dinja li qegħda dejjem tiċkien.  Il-globalizzazzjoni tfisser li llum m’għadx hemm suq Amerikan, jew suq Ażjatiku; illum hemm suq wieħed dinji, u l-aktar pajjiżi mbegħda qed jikkompetu magħna biex ibiegħu s-servizzi u l-prodotti tagħhom.  Jekk irridu nkomplu ntejbu l-livell ta’ l-għixien tagħna, jeħtieġ li nsostnu l-vantaġġi kompetittivi tagħna, bi sforzi akbar minn dawk ta’ ħaddieħor li qed jiġru biex jilħquna u jgħadduna. 

Pajjiżna ukoll jrid jindirizza l-iżbilanċ fiskali tiegħu, u jrażżan id-dejn pubbliku li fl-imgħoddi kien hemm bżonnu sabiex nespandu l-ekonomija u nwaqqfu l-pajjiż fuq saqajh, iżda li issa jista’ joħonqilna l-isforzi biex nilħqu l-miri ekonomiċi u soċjali tagħna. 

Irridu niffaċċjaw dawn l-isfidi flimkien.  Aħna lkoll li qegħdin hawn – politiċi, uffiċjali tal-Gvern, imprendituri, membri ta’ l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili – aħna kollha stakeholders f’Malta bħala nazzjon.  Malta għandha bżonn aġenda miftehma, aġenda mfassla mill-Gvern flimkien ma’ l-imsieħba soċjali, aġenda li tirrifletti l-prioritajiet nazzjonali tagħna.

L-aġenda tagħna trid tindirizza l-isfidi li għadni kemm semmejt.  L-aġenda għandha tieħu l-forma ta’ programm ta’ azzjoni fuq medda ta’ snin: programm ta’ miżuri prattiċi u realistiċi, iżda fl-istess ħin ikunu ambizzjużi.  Fuq kollox għandu jkun programm li jissarraf f’riżultati konkreti matul is-snin li ġejjin.  Iż-żmien huwa kontra tagħna.  L-isfidi li għandna quddiemna jitolbu azzjoni ta’ malajr, u l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali għandu r-rwol li jwassal għal ftehim fuq din l-aġenda nazzjonali. 

Kulħadd għandu sehem x’jagħti f’dan il-programm.  Is-sehem tas-Servizz Pubbliku se jkun kritiku. Iżda daqs tant kritiku se jkun is-sehem ta’ l-imsieħba soċjali.  Is-Servizz Pubbliku għandu bżonn l-appoġġ u l-involviment ta’ l-imsieħba soċjali. 

Meta Malta tissieħeb formalment fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju, is-Servizz Pubbliku se jkollu rwol ċentrali fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Unjoni, bħal ma diġà kellu fin-negozjati dwar l-isħubija.  L-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku għandhom responsabbiltà biex jiżguraw li Malta tottjeni l-benefiċċji kollha tas-sħubija fl-Unjoni. 

Dawn l-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku għandhom ukoll jaraw li Malta twettaq l-obbligi tas-sħubija.  Aħna l-Maltin għandna nibnu l-fama mal-pajjiżi membri l-oħra ta’ l-Unjoni li ngħożżu d-dinjità ta’ pajjiż ħieles, u li ninsistu fuq id-drittijiet tagħna; iżda wkoll li sehemna nagħtuh bis-sħiħ fl-interess komuni; li ma nkaxkrux saqajna; u li meta nagħtu l-kelma tagħna nonorawha. 

Jiena nemmen li din il-fama diġà bdejna nibnuha fin-negozjati tagħna dwar l-isħubija.  Irrid nirrikonoxxi li dan kien mertu, fost oħrajn, tal-ħafna uffiċjali pubbliċi li kienu nvoluti, sew fin-negozjati nnifishom, u sew fil-preparamenti għan-negozjati.   

Fl-Unjoni Ewropea, Malta se tagħti s-sehem sħiħ tagħha fit-teħid tad-deċiżjonijiet mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni.  Dan se nagħmluh biex naraw li l-interessi tagħna huma mħarsa.  Se nagħmluh ukoll għax nemmnu li għandna kontribut siewi x’noffru.  Bħall-membri l-oħra, se jkollna sehem mir-responsabbiltà għat-tmexxija ta’ l-Unjoni.  Irridu mill-ewwel niftħu għajnejna għall-orizzonti ġodda li qed jinfirxu quddiemna, u ninżgħu l-mentalità parrokkjali li xi kultant ittellifna l-fiduċja fina nfusna.  Dan jgħodd ukoll għall-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku, għaliex huma se jkollhom l-iżjed kuntatt dirett ma’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni, iżda jgħodd ukoll għal kull wieħed u waħda minna, inkluż għall-imsieħba soċjali tal-Gvern. 

Is-Servizz Pubbliku għandu sehem importanti wkoll x’jagħti fil-konfront tat-tieni sfida nazzjonali, dik li nibqgħu kompetittivi, sew biex nattiraw l-investiment barrani u sew biex inbiegħu l-prodotti tagħna fis-swieq barranin.  Programm ta’ azzjoni biex nilqgħu għal din l-isfida jrid jistrieħ fuq tliet affarjiet: l-edukazzjoni u t-taħriġ, biex il-ħaddiema tagħna jkunu jistgħu jiffunzjonaw f’ambjent ta’ xogħol dejjem iżjed eżiġenti; l-isfruttar tat-teknoloġija avvanzata, li tiftħilna swieq ġodda u tippermettielna noffru prodott ta’ valur ogħla; u l-kontroll ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni.  Dawn huma prioritajiet li jridu jitwettqu mis-settur privat, iżda l-imprendituri jridu jsibu l-appoġġ tas-settur pubbliku. 

Iż-żamma tal-kompetittività nazzjonali hija marbuta mill-qrib ma’ l-isfida l-oħra, ta’ l-iżbilanċ fiskali.  Is-Servizz Pubbliku, kif ukoll il-bqija tas-settur pubbliku, li jinkludi l-awtoritajiet u l-entitajiet l-oħra tal-Gvern, irid ikompli jsib mezzi biex iżid l-effiċjenza u jnaqqas l-ispejjeż.  Is-Servizz Pubbliku jrid iwettaq il-proġetti ta’ kull Ministeru fil-ħin u mingħajr ma jonfoq iżjed milli jkun hemm allokat. Naħseb ukoll li s-Servizz għandu jiffoka fuq il-qalba tar-rwol tiegħu, jiġifieri li joffri pariri u analiżi fit-teħid tad-deċiżjonijiet u li jara li meta jittieħdu d-deċiżjonijiet, dawn jiġu mplimentati.  Ix-xogħol ta’ amministrazzjoni rutina, l-ipproċessar ta’ volum kontinwu ta’ transazzjonijiet, għandu jiċċaqlaq għal għand aġenziji jew jibda jsir bl-involviment tas-settur privat permezz ta’ public-private partnerships, fuq il-linji ta’ dik li diġà twaqqfet. 

Fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Parlament il-ġdid f’Mejju tas-sena l-oħra, il-Gvern semma’ żewġ prioritajiet oħrajn li japplikaw għas-Servizz Pubbliku.  Irrid nerġa’ nsemmihom għax importanti wkoll anki għall-bqija ta’ l-aġenda nazzjonali.  Dawn huma l-koordinazzjoni aħjar tax-xogħol tal-Gvern u l-implimentazzjoni tal-ħafna liġijiet li għaddew f’dawn l-aħħar snin. 

Waqt in-negozjati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern tgħallmu jikkordinaw aħjar bejniethom fil-livell amministrattiv.  Ix-xogħol ta’ koordinazzjoni hu bħax-xogħol regolari ta’ kull entità: jinqasam f’deċiżjonijiet li jridu jittieħdu f’diversi livelli skond il-parametri li jitfasslu minn fuq.  Waqt in-negozjati dwar is-sħubija twaqqaf makkinarju apposta biex jiffaċilita l-koordinazzjoni f’dawn il-livelli differenti.  Dan il-makkinarju ħadem tajjeb.  Issa rridu nwaqqfu strutturi simili biex jieħdu ħsieb ix-xogħol domestiku tal-Gvern.  Qed jiġri dejjem iżjed ta’ spiss li biċċa xogħol ikollha tinqasam fuq iżjed minn Ministeru jew Dipartiment wieħed.  Dan ix-xogħol xorta jrid isir b’effiċjenza, u għalhekk irid jiġi koordinat tajjeb. 

Irridu nagħtu priorità wkoll lit-twettiq tad-diversi liġijiet li għaddew fil-leġislatura li spiċċat.  B’dawn il-liġijiet aġġornajna l-amministrazzjoni tal-pajjiż f’ħafna oqsma – is-saħħa, il-biedja, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-ħarsien tal-wirt kulturali, biex insemmi uħud biss.  U issa, m’hemmx xi ngħidu, irridu nġibu dawn il-liġijiet fis-seħħ mhux formalment, iżda verament.  Dan jeħtieġ żvilupp tal-kapaċità organizzattiva fl-amministrazzjoni, żvilupp li f’ħafna oqsma diġà għaddej b’ritmu mgħaġġel, anki bl-għajnuna mill-fondi Ewropej ta’ qabel is-sħubija.

Fil-fatt, il-Gvern immexxi minni ilu li ħaseb biex jipprepara s-Servizz Pubbliku għall-isfidi tal-lum.  Fl-1990 bdejna programm ta’ riforma li permezz tiegħu s-Servizz hu aktar flessibbli, aktar accountable, u aktar konxju tar-riżultat aħħari ta’ xogħlu.  Is-Servizz illum iħaddem l-aktar teknoloġija avvanzata u, bl-e-government u bil-public-private partnership, qed jipprovdi s-servizzi b’mezzi innovattivi għall-aħħar. 

Madankollu fadal ħafna x’isir qabel is-Servizz Pubbliku jasal fil-livell li jixraqlu u li għandu bżonn pajjiżna fil-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin.  Iż-żmien jibqa’ għaddej; jinqalgħu bżonnijiet ġodda; u bżonnijiet antiki jibdew jinħassu b’mod differenti u b’iżjed urġenza.  Is-Servizz fih ħafna nies dedikati, u għandu bosta “pockets of excellence” li jħabbtuha ma’ l-aqwa elementi tas-servizz ċivili ta’ pajjiżi oħrajn.  Iżda jeħtieġ li dawn l-oqsma jinfirxu iżjed fejn jinħassu aktar miċ-ċittadin u mill-imprenditur. 

Għad hemm ukoll oqsma fejn il-mentalità l-antika għadha tirrenja: il-mentalità li xejn mhu xejn, li kollox jgħaddi, li l-medjokrità aċċettabbli.  Għadu qed ikun hemm tgergir dwar in-nuqqas ta’ effiċjenza f’ċerti Dipartimenti u entitajiet tal-Gvern. 

Kien għalhekk li l-Gvern tiegħi issa ħass il-bżonn li jippublika abbozz ta’ liġi dwar is-Servizz Pubbliku.  Il-liġi l-ġdida għandha tagħti mezzi addizzjonali lill-kapijiet li, biż-żmien, ixejnu din il-mentalità fid-Dipartimenti u l-entitajiet tal-Gvern li għalihom ikunu responsabbli.  Il-liġi tagħti wkoll lill-Gvern il-mezzi biex iżomm lill-kapijiet responsabbli li dan jagħmluh.  L-impjegati għandhom ifittxu l-eċċellenza f’xogħolhom, partikolarment fis-servizzi li jipprovdu liċ-ċittadini u lill-imprendituri. 

Il-liġi hija maħsuba biex tibni fuq il-kisbiet tal-passat ħalli tattrezza s-Servizz għall-bżonnijiet tal-futur: 

-        Bit-tibdil li sar fl-istruttura tal-karriera, is-Servizz diġà akkwista ċertu flessibiltà biex ilaħħaq ma’ bżonnijiet għal kwalifiki u ħiliet ġodda fost l-impjegati tiegħu.  Issa wasal iż-żmien li nagħmlu pass ieħor fl-istess direzzjoni. 

-        L-istess tibdil wassal biex il-promozzjonijiet f’ħafna gradi jsiru bil-mertu, u jonqsu sew il-ħatriet bl-anzjanità.  Issa wasal iż-żmien li, almenu għall-impjegati li jidħlu ġodda, inwaqqfu struttura fejn il-ħatriet kollha, mill-bidu sa l-aħħar, ikunu skond il-mertu, u s-sistema ta’ l-anzjanità tispiċċa darba għal dejjem. 

-        Il-kapijiet tad-dipartimenti diġà ħadu f’idejhom uħud mis-setgħat li għandhom bżonn biex imexxu d-dipartimenti tagħhom.  Issa wasal iż-żmien li nagħtu spinta oħra lil dan il-proċess ta’ deċentralizzazzjoni.

-        Diġà l-istess kapijiet għamilnihom ħafna iżjed accountable għall-kisbiet fil-ħidma tad-dipartimenti tagħhom.  Issa wasal iż-żmien li nkomplu nimxu ’l quddiem hawn ukoll: la jkollhom is-setgħat tat-tmexxija, iwieġbu bis-sħiħ għal kif imexxu. 

Fl-istess ħin il-liġi taħseb biex issaħħaħ is-salvagwardji li jiżguraw li l-kapijiet tad-dipartimenti jużaw is-setgħat tagħhom fl-interess pubbliku.  Il-liġi taħseb biex testendi dawn is-salvagwardji għall-entitajiet pubbliċi barra s-Servizz u għall-aġenziji l-ġodda.  Taħseb ukoll għat-twaqqif ta’ strutturi ġodda ta’ koordinazzjoni, biex kif semmejt qabel, xogħol li jinqasam fuq iżjed minn Ministeru jew Dipartiment wieħed, jingħata l-attenzjoni li jkollu bżonn. 

Nemmen li l-abbozz propost ta’ l-Att dwar is-Servizz Pubbliku se jipprovdi qafas importanti għas-Servizz fis-seklu wieħed u għoxrin.  Iżda l-liġi mhi se tkun xejn ħlief qafas.  Biex iwassal għat-titjieb li hemm bżonn, is-Servizz irid fost affarijiet oħrajn ikompli jisfrutta l-informatika u jagħsar minnha gwadann fil-produttività u fil-kwalità tas-servizz.  Is-Servizz irid ukoll ikompli jħarreġ l-impjegati tiegħu biex jakkwistaw ħiliet ġodda u jadattaw ruħhom għall-bidliet kontinwi li hemm bżonn fil-prattiċi tax-xogħol. 

L-imsieħba soċjali wkoll għandhom sehem importanti f’dawn il-bidliet u rridu nagħrfu li ħadd mill-istakeholders ta’ Malta bħala nazzjon ma jista’ jmur tajjeb jekk Malta tmur ħażin.  Mill-banda l-oħra, jekk Malta bħala nazzjon tmur tajjeb, l-istakeholders kollha jmorru tajjeb magħha.  Nixtieq li f’dal-pajjiż, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, tidħol mentalità ġdida: li fil-limiti tar-riżorsi tagħna, aħna ħaqqna l-aqwa livell ta’ servizz, għax aħna Maltin; u li kapaċi noffru dak il-livell ta’ servizz, għax aħna Maltin. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow