Left arrow Go Back

DISKORS TA’ L-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-FTUĦ UFFIĊJALI TAL-ĠNIEN TAL-BARAKKA TA’ FUQ, VALLETTA. IT-TNEJN, 26 TA’ APRIL 2004

PR630
Date Icon 26/04/2004

DISKORS TA’ L-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-FTUĦ UFFIĊJALI TAL-ĠNIEN TAL-BARAKKA TA’ FUQ, VALLETTA. IT-TNEJN, 26 TA’ APRIL 2004

Onorevoli Ministru Żammit
Sinjuri: 

Il-ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq tistà verament issejjaħlu ġnien nazzjonali għaliex huwa ġnien li tistà tgħid kull Malti żaru u fejn saru avvenimenti importanti.  Huwa ġnien li għandu din il-vista hekk sabiħa fuq il-Port il-Kbir tagħna, port li huwa simbolu veru ta’ pajjiżna għaliex pajjiżna għal tant u tant snin għex litteralment b'dak li kien jipprovdi dan il-port. 

Kien għalhekk xieraq li l-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura jagħti mportanza kbira lil dan il-ġnien.  Jien infurmat li hawnhekk intefqu mal-Lm230,000.  Huwa investiment li huwa ħafna akbar minn dak li nagħmlu normalment fil-ġonna tagħna imma dan jirrifletti l-importanza ta’ dan il-ġnien. 

Huwa ġnien importanti ħafna wkoll għat-turiżmu li llum huwa hekk importanti għal pajjiżna.  Huwa l-post li l-aktar iżuruh turisti u għalhekk mera importanti ta’ pajjiżna.  Huwa ġnien li għandu l-bidu tiegħu fiż-żmien tal-bidu tal-Kavallieri imma li fih il-perjodu Ingliż huwa rappreżentat tajjeb.  Illum għandna ġnien modern li żġur se jkun ta' attrazzjoni kbira kemm għalina l-Maltin u kemm għat-turisti. 

Il-Gvern huwa konxju mill-problemi ta’ l-inħawi ta’ madwar il-port u kien għalhekk li ta’ importanza partikolari lill-problemi tal-bliet tal-madwar billi stabbilixxa l-Proġetti għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta u Floriana u dak tal-Kottonera.  L-għan prinċipali ta’ dawn il-proġetti huwa li jagħtu attenzjoni partikolari lill-problema ta' l-inħawi, li jagħmel minn kollox biex iwettaq proġetti ta' restawr u ta' riġenerazzjoni, u li jagħmel proġetti li jtejbu l-ambjent ta' l-inħawi. Fiż-żmien li ilhom imwaqqfa dawn il-proġetti, ittieħdu ħafna inizjattivi li qed jgħinu biex iressqu aktar nies lejn dawn l-inħawi.  Jekk inħarsu lejn il-Belt Valletta naraw numru kbir ta' proġetti ta' restawr li salvaw bini mill-abbandun li kien hemm qabel.  L-ammont ta' proġetti li saru huwa wieħed impressjonanti.  Fil-Kottonera wkoll qed jitwettqu ħafna proġetti, kemm ta' restawr u kemm ta' titjieb ambjentali, proġetti li qed jerġgħu jagħtu dehra mill-isbaħ lill-wirt patrimonjali tagħna u lil dawn il-bliet tagħna.  Irridu naħdmu aktar sabiex dawn il-bliet ikunu verament riġenerati, iżda ċert li dak li sar huwa mportanti ħafna. 

Fil-Belt Valletta u l-Floriana qed jingħataw attenzjoni partikolari l-ġonna u l-ispazji pubbliċi.  L-ewwel saru l-KGV fil-Floriana u l-Barrakka ta' Isfel fil-Belt. Issa qed ninawguraw dan il-ġnien sabiħ u wara se jitkompla x-xogħol fil-ġnien ta' Hastings fil-Belt u fil-Mall il-Floriana.  Dawn l-ispazji pubbliċi huma mportanti għaliex jagħtu dehra mill-isbaħ lil dawn l-ibliet importanti tagħna. 

Ma tonqosx wkoll l-attenzjoni li qed nagħtu fl-Imdina fejn propju fil-ġranet li ġejjien se jibda proġett ambizzjuż imma neċessarju tal-pavimentazzjoni tal-belt kollha. 

It-tlett proġetti ta' rijabilitazzjoni jingħataw attenzjoni partikulari mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura u minn ħaddiema tal-Gvern li jintużaw biex jitwettqu ħafna mill-proġetti.  Irridu nkomplu naħdmu sabiex ftit ftit nieħdu ħsieb il-bini storiku tagħna u dan għaliex, dan il-bini huwa parti mill-identità Maltija tagħna u wkoll għaliex l-ekonomija tagħna għandha bżonn it-turiżmu u turist li jiġi Malta biex jara s-sbuħija tal-wirt storiku tagħna. 

Hemm bżonn għalhekk li l-proġetti li nagħmlu u li fihom jiġu investiti tant riżorsi nieħdu ħsiebhom bis-serjetà. L-appell tiegħi hu sabiex iva niġu hawn u nieħdu gost imma wkoll nieħdu ħsiebu bl-aħjar mod possibbli.  Il-Gvern jistà jwettaq ġid biss bil-kollaborazzjoni u kooperazzjoni ta' kulħadd. 

Qed ninawgura dan il-ġnien ftit ġranet biss qabel ma nassistu għal avveniment importanti li ilna nistennew, fejn il-familja Maltija tingħaqad mal-familja akbar Ewropea.  Aħna qatt ma kellna għalfejn nuru li aħna verament Ewropej imma ċertament li l-bini tagħna, il-palazzi, il-Knejjes, u dawn il-fortifikazzjoniet imponenti, huma kollha turija tal-wirt Ewropew tagħna.  Jien ċert li dan l-avveniment u l-ispettaklu li se naraw propju quddiem dan il-ġnien se jkompli jgħin biex isem Malta tissemma' kullimkien.  Se nuru li għandha kultura u patrimonju importanti, storja ta' sekli sħaħ, u jien ċert li dan kollu se jgħin biex inkomplu nrawmu s-settur turistiku. 

Il-Port il-Kbir huwa simbolu ta' Malta, simbolu tal-kapaċità kbira tal-Maltin u ta’ l-istorja li għaddiet minnu Malta.  Aħna bħala Gvern determinati li nkomplu nwettqu l-proġetti meħtieġa kemm permezz tal-proġetti għar-rijabilitazzjoni u kemm permezz ta' proġetti kapitali oħrajn.  Irridu li r-reġenerazzjoni ta' dawn l-inħawi jkun simbolu tar-riġenerazzjoni ta' Malta Ewropea.

DOI – 26.04.2004

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow