Left arrow Go Back

‘Biex Malta Tikber fl-Ewropa’ - L-Ewwel Sena Ħidma fil-Leġislatura 2003-2008

PR510
Date Icon 13/04/2004

‘Biex Malta Tikber fl-Ewropa’
L-Ewwel Sena Ħidma fil-Leġislatura 2003-2008

Meta kien qed jindirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet f’egħluq l-ewwel sena ħidma tal-leġislatura 2003-2008, il-Prim Ministru, l-Onor. Lawrence Gonzi iddeskriva t-tnax-il xahar bejn l-14 ta’ April 2003 u t-13 ta’ April 2004, bħala "tnax-il xahar eċċezzjonali f’kull sens li fihom ħejjejna l-għalqa f’kull settur tas-socjetà Maltija biex Malta tkun tassew tista’ tikber fl-Ewropa u tagħmel suċċess mir-realtà ġdida wara l-1 ta’ Mejju li ġej".

Ir-ristrutturar f’ażjendi pubbliċi, ir-riforma fil-qasam tal-pensjonijiet u tas-saħħa, l-abbozz ta’ liġi ġdida għas-servizz pubbliku, il-preparazzjoni għall-egħluq tal-miżbla tal-Magħtab, programm leġislattiv vast u intensiv, kienu fost il-proġetti ewlenin li ħadem fuqhom il-Gvern matul dawn l-aħħar xhur. Filwaqt li elenka x-xogħol ewleni li wettaq il-Gvern fit-tnax-il xahar li għaddew, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li għandu quddiemu l-poplu Malti fix-xhur li ġejjin.

Id-deċiżjonijiet diffiċli li iffaċċjat, u li qegħda tiffaċċja s-socjetà Maltija fil-programm ta’ ristrutturar tat-Tarzna, tal-PBS, ta’ l-Air Malta, u ta’ diversi ażjendi pubbliċi oħrajn, huma marbuta mal-programm tal-Gvern biex itejjeb il-kompetittivita` ta’ pajjiżna. B’hekk biss Malta ser tkun tista’ tiffaċċja l-isfidi ġodda li għandha quddiema minħabba l-iżviluppi ekonomiċi madwar id-dinja u tieħu l-opportunitajiet li tippreżenta l-Ewropa ġdida b’suq enormi. “Anke fil-programm ta’ ristrutturar ta’ l-Air Malta u ażjendi oħra, jien ċert li naslu jekk il-unions konċernati jkomplu jfittxu mal-Gvern kif ser iħarsu x-xogħol fis-suq kompettiv ta’ madwarna”, saħaq il-Prim Ministru.

Sar xogħol siewi ukoll fuq ir-riforma fis-sistema tal-pensjonijiet u tas-saħħa, u l-indikazzjonijiet huma li bi qbil fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) dan il-proċess jista’ jiġi finalizzat dalwaqt. Il-Prim Ministru spjega kif fl-ewwel laqgħa li kellu bħala Prim Ministru mal-Kunsill, hu kien talab lill-Kunsill biex jagħraf ikun l-għodda prinċipali biex l-imsieħba soċjali kollha jwasslu dan il-proċess għall-konkluzjoni b’kunsens kemm jista’ jkun wiesgħa skond il-programm li ġie stabbilit fl-MCESD stess.

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi indika ukoll l-importanza ta’ l-Abbozz ta’ liġi ġdida għas-servizz pubbliku. L-objettiv ta’ din il-liġi ġdida hu li tippromwovi titjib fl-effiċjenza tal-qafas ta’ l-amministrazzjoni pubblika biex dan is-settur jikkontribwixxi għal tkabbir fl-ekonomija Maltija. Kull Dipartiment, Aġenżija, Awtorità u organizzazzjoni oħra li jifforma l-qafas ta’ l-amministrazzjoni pubblika f’Malta għaddejjin minn proċess ta’ ristrutturar biex:

  • Itejbu l-kondizzjonijiet biex fih jopera s-settur privat;
  • Ikun simplifikat kull aspett regolatorju;
  • Ikun provdut aktar informazzjoni ta’ l-ogħla kwalità.

Fuq dawn l-ewwel passi, qal il-Prim Ministru, hemm bżonn li nkomplu nibnu. L-akbar sfidi għall-ġejjieni huma li nistimulaw l-ekonomija, noħolqu x-xogħol u niġbdu l-investiment. Ippreparajna l-bażi biex inkunu nistgħu naħtfu l-opportunitajiet li ser tippreżentalna l-Ewropa. Issa li pajjiżna għandu politika stabbli, hemm bżonn li nipproġettaw lill-pajjiżna bħala post fejn il-ħaddiema huma kapaċi, ħawtiela u jitgħallmu malajr, u għalhekk l-investimenti jkunu fis-sod.

It-twaqqif ta’ Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni ta’ l-Investiment fi ħdan il-Kabinett il-ġdid kien pass ieħor sabiex jinġibed aktar investiment lejn pajjiżna. L-indikazzjonijiet, anki permezz tal-Malta Enterprise, f’dan ir-rigward huma pożittivi. Fi ftit gimgħat, Malta ser ikollha l-aqwa network ta’ promozzjoni ta’ l-investiment permezz ta’ ambaxxati tagħha u l-qafas kollu tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin. Dan ir-ristrutturar qed jikkomplimenta x-xogħol estensiv li għamel il-Gvern tul is-sena li għaddiet biex ġab flimkien fil-Malta Enterprise tliet organizzazzjonijiet (MDC, IPSE u METCO) li qabel kienu jaħdmu għal rashom imma li kollha kellhom l-iskop li jkabbru l-investiment f’pajjiżna. “M’hemmx dubju li l-pedament li tqiegħed tul is-sena li għaddiet f’dan il-qasam ser iwassal għar-riżultati importanti għal pajjizna fix-xhur u snin li ġejjin, b’opportunitajiet ġodda ta’ xogħol fis-settur produttiv.”

Minkejja d-diffikultajiet ekonomiċi kbar li għaddiet minnhom id-dinja kollha tul is-sena li għaddiet, liema diffikultajiet komplew jolqtu lil pajjiżna, il-Gvern xorta ħadem bla waqfien biex id-defiċit tul is-sena li għaddiet jibqa’ mal-miri stabbiliti. Tneħħi d-dejn ta’ darba tat-tarznari li l-Gvern ħafer tul is-sena li għaddiet, in-nefqa pubblika trażżnet b’mod li minkejja li d-dħul tal-Gvern ma kienx daqs kemm previst, xorta l-iżbilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ ma kienx aktar milli kien mistenni. Il-Prim Ministru Gonzi indika bħala sfida ewlenija it-tpoġġija tal-finanżi tal-pajjiż fis-sod. “Huwa ta’ nteress nazzjonali li jitnaqqas d-defiċit nazzjonali. B’hekk il-pajjiż ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni dwar meta u kif għandha tiddaħħal il-munita Ewropea (l-‘euro’) f’pajjiżna bil-kalma.”

Filwaqt li r-ristrutturar jippreżenta sfidi għal numru ta’ ħaddiema, il-Gvern Nazzjonalista huwa kommess lejn it-titjib fil-pagi u l-kondizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema kollha għal-livelli aċċettati f’aktar pajjiżi avvanzati ta’ l-Ewropa. B’mod konkret, tul is-sena li għaddiet, daħlu fis-seħħ numru rekord ta’ liġijiet sussidjarji fuq firxa kbira tal-qasam tax-xogħol, fosthom tisħiħ fis-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, tisħiħ fid-drittijiet ta’ ġenituri ħaddiema biex ikunu jistgħu jibbilanċjaw aħjar ir-responsabbiltajiet tagħhom lejn ix-xogħol u lejn il-familja, u oqsma ohra ta’ importanza kbira. Kull miżura f’dan is-sens tfasslet b’konsultazzjoni wiesgħa bejn l-imsieħba soċjali kollha fil-Bord għar-Relazzjonijiet ta’ l-Impjiegi.

Element kruċjali biex pajjiżna jagħmel suċċess fl-Ewropa huwa l-kompetittività. Il-Prim Ministru tenna li s-settur privat, l-imsieħba soċjali u settur pubbliku għandhom rwol qawwi f’din l-isfida. Huwa tenna l-bżonn li titnaqqas il-burokrazija żejda, tiżdied l-effiċjenza u jinħatfu l-opportunitajiet. Il-Prim Ministru Gonzi rabat ma’ dan kollu l-bżonn li jintlaħaq “patt soċjali ġdid”. Il-partijiet soċjali jridu jistablixxu miri u jaqblu li jaħdmu għalihom. Il-qbil għandu jkun li kulhadd jistenna sakemm dawn il-miri jintlahqu biex kulhadd igawdi mill-ġid li jkun inħoloq.

Biex il-pajjiż jagħmel progress, Lawrence Gonzi semma l-bżonn li r-relazzjonijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni jkomplu jitjiebu. Ir-rwol tal-Oppożizzjoni fit-tfassil tal-patt soċjali u fir-riforma tal-‘welfare’ huwa wieħed importanti ħafna, biex ikun hawn suċċess għal Maltin kollha. Il-possibiltajiet għall-kontribut ta’ l-Oppożizzjoni fl-oqsma huma u jibqgħu miftuħin. Il-kritika kostruttiva tiġi milqugħa u kkonsidrata bis-serjetà, u fejn hu xieraq, il-Gvern jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu skond il-kritika sottomessa. “Id-differenzi ta’ bejnietna għandhom iżidu, mhux inaqqsu, l-isfera tal-possibiltajiet li kapaċi noħolqu għalina u għal uliedna. M’għandiex nibżgħu niffaċċjaw u ngħożżu d-diversitajiet ta’ l-opinjonijiet tagħna jekk ifittxu dak li l-aktar ser iservi l-ġid komuni tas-soċjetà Maltija kollha."

Il-Prim Ministru Gonzi saħaq li hawn entużjażmu partikolari għal ġejjieni ta’ Malta fl-Ewropa, u li b’kuraġġ dan il-bidu ġdid jista’ jiġi tradott f’opportunitajiet kbar. Bħala poplu b’kapaċitatjiet kbar, bħalma missirijietna użaw dawn il-kapaċitajiet biex illum ingawdu dan il-livell ta’ ħajja, m’hemmx dubju li dan nistgħu nagħmluh aħna wkoll, u b’hekk nagħmlu passi kbar ’il quddiem. L-investiment fl-edukazzjoni, fis-servizzi soċjali personalizzati, fil-qasam tas-saħħa, fil-benefiċċji li joffru protezzjoni soċjali, fl-istrateġija tal-Gvern kontra l-faqar u l-esklużjoni, jibqgħu l-ogħla prijorità f’kull programm ta’ Gvern Nazzjonalista.

"Komunità b’saħħitha hija prerekwiżit għal ekonomija b’saħħitha għax hija komunità b’saħħitha biss li kapaċi tipproduċi l-qafas ta’ fiduċja soċjali li fuqha tista’ tinbena ekonomija li tikber, li tħares ’l quddiem, u li sservi lil bniedem" kompla l-Prim Ministru. "Dan huwa l-proġett tal-Gvern għas-sena u snin li ġejjin. F’dan il-proġett, kulħadd għandu sehem, kulħadd jista’ jagħti s-sehem uniku tiegħu jew tagħha biex Malta tikber fl-Ewropa. Mhux proġett ta’ Gvern waħdu; imma huwa proġett tas-soċjeta` Maltija kollha kemm hi." 

Rapport ta’ Hidma
pr0510a pdf format


DOI – 13.04.2004

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow