Nippromwovu l-wirt kulturali ta’ pajjiżna
Nippromwovu l-wirt kulturali ta’ pajjiżna
Meta kien qed iniedi attivita’ kulturali li ser issir fit-30 ta’ April 2004, li ser tkun tikkonsisti f’kuncert specjali minn Miriam Gauci u Joseph Calleja, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li l-preparazzjonijiet għall-festi li jfakkru s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea issa jinsabu fl-eqqel tagħhom b’lista impressjonanti ta’ attivitajiet li għandhom jintemmu b’festival spettakolari ta’ logħob tan-nar fil-Port il-Kbir fit-8 u d-9 ta’ Mejju li fih se jipparteċipaw 21 kamra tan-nar minn Malta u Għawdex. Dan il-festival se jittella’ mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.
Francis Zammit Dimech qal li fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, lejlet is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, se jittellgħu diversi attivitajiet madwar il-Port il-Kbir. Dawn jinkludu
- marċi minn baned fil-belt Valletta, Furjana, Marsa, Birgu, Isla u Kalkara;
- spettaklu ta’ kant u żfin fil-Port il-Kbir minn erba’ postijiet: Ta’ Liesse, ix-Xatt ta’ Pinto (żewġ lokalitajiet) u l-Isla.
- video projection mill-Forti Sant’Anġlu taħt id-direzzjoni ta’ Ross Ashton fejn, permezz ta’ teknoloġiji tal-projezzjonijiet u manipulazzjoni grafika, se jiġu proġettati fuq is-swar tal-Forti Sant’Anġlu l-aħjar stampi tal-kultura Maltija Ewropea u Mediterranja, ikoni u ġrajjiet storiċi;
- L-innu nazzjonali u messaġġi minn mexxejja Maltin u ta’ l-Unjoni Ewropea;
- Light Monument minn Gert Hof fuq il-Forti Sant’Anġlu akkumpanjat minn mużika ta’ Roger Waters.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li attività oħra li se tkun organizzata f’dak il-jum ser tkun proprju l-kunċert speċjali minn Miriam Gauci u Joseph Calleja li se jkunu akkompanjati mill-Orkestra Nazzjonali. Hu qal li din ser tkun l-ewwel darba li dawn iż-żewġ artisti Maltin se jkantaw flimkien.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien jemmen li bħala Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura, kunċerti bħal dawn kienu jkomplu joħorġu fil-beraħ mal-Maltin u l-barranin il-kapaċitajiet ta’ ħutna Maltin f’oqsma muzikali u kulturali, li tant jagħmlu unur lil pajjiżna u jiddistingwuna minn kull nazzjon ieħor.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura qal li d-diversi attivitajiet kulturali li se jagħmlu parti mill-festi li jfakkru s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għandhom iwasslu messaġġ ċar lill-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni, li Malta se tkompli tagħmel minn kollox biex mhux biss tħares l-kultura u l-identità tagħha, iżda permezz ta’ programmi u fondi mill-Unjoni Ewropea, tippromwovihom ħalli jitgawdew minnha u minn kull min iżurna.
DOI 06.04.2004
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en