Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. JESMOND MUGLIETT,MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP URBAN U TOROQ, FIL-FTUĦ TA’ SEMINAR DWAR IR-REGOLAMENTI ĠODDA DWAR ID-DIŻINN U L-BINI TAT-TOROQ - SAN ĠILJAN – 30 TA’ MARZU 2004

PR440
Date Icon 30/03/2004


Din hija l-ewwel opportunita’ li għandi biex nindirizza lilkom li għandkom interess fil-kostruzzjoni u manutenzjoni tat-toroq ta’ pajjiżna. Din hija wkoll okkażjoni unika li qed tiġi fi żmien partikolari ħafna għal dan il-qasam, u żmien partikolari ħafna għal pajjiżna.

Iż-żmien li qegħdin fih huwa speċjali. Din hija l-ewwel darba li t-toroq saru parti mill-portafoll, saħansitra parti mill-isem ta' Ministeru - il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq. Dan huwa impenn ċar mill-Gvern, li matul l-erba' snin li ġejjin ser ikun qed jagħti prijorita’ għolja lit-tisħiħ ta' din l-infrastruttura kruċjali għall-iżvilupp ta' kull qasam tal-ekonomija ta' Malta u t-titjib tal-kwalita' tal-ħajja tal-Maltin.

It-twaqqif tal-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq ma sarx b'kapriċċ u wisq anqas bħala miżura kożmetika. Twaqqaf għaliex bħala Gvern, nemmnu l-opportunitajiet biex niksbu progress tanġibbli f'dan il-qasam, qatt ma kienu daqshekk tajbin.

It-titjib fit-toroq tagħna f'dawn l-aħħar snin qabad ritmu tajjeb. Tul dawn l-aħħar 3 snin id-Direttorat tat-Toroq għamel xogħlijiet ta’ kostruzzjoni f’madwar 400 triq residenzjali. Dawn ma kienux jikkonsistu biss f’tibdil jew bini tal-wiċċ tat-triq biss, iżda wkoll diversi xogħlijiet ta’ installazzjoni ta’ servizzi, partikolarment servizzi tal-ilma. Mill-bidu ta’ din is-sena, id-Direttorat tat-Toroq kien involut ukoll fit-tħejjijiet għal madwar 60 sejħa għall-offerti għal xogħlijiet ta’ toroq oħra. Filwaqt li numru minn dawn it-toroq diġa qegħdin fil-fażi ta’ kostruzzjoni, oħrajn qegħdin fl-aħħar fażijiet qabel ma tibda l-kostruzzjoni.

L-istess Direttorat huwa ukoll impenjat f'xogħol ma' Ministeri oħra, fosthom il-Ministeru għall-Kommunikazzjoni u Kompetittivita’, fejn ħarġu tenders għal xogħlijiet ta’ toroq li qegħdin f’żoni industrijali privati, preċiżament ġewwa l-Imrieħel u l-Mosta. It-tenders għal dawn il-proġetti ħarġu u x-xogħlijiet mistenijja li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. B’kollox f’dawn iż-żoni industrjali li semmejt ser jiġu mibnija 16-il triq oħra.

Intant l-Awtorita’ dwar it-Trasport daħlet fi ftehim ma’ numru ta’ Kunsilli Lokali taħt liema ftehim, 20 Kunsill Lokali ser jagħmlu xogħlijiet fuq 85 triq.

Ix-xogħol għaddej - forsi b'ritmu aktar mexxej minn qatt qabel, iżda l-isfidi li għandna quddiemna huma wkoll akbar minn qatt qabel. L-iżvilupp ta' pajjiżna, id-dħul fl-Unjoni Ewropeja, it-tkabbir ekonomiku, in-numru dejjem jikber ta' karozzi, t-titjib fil-kwalita' tat-turisti li jżuru pajjiżna, l-bżonn li jitnaqqsu l-perikli fit-toroq tagħna u l-fondi mill-Protokoll Taljan u l-Unjoni Ewropeja kollha jitfgħu sens ta' urġenza fuqna lkoll, biex din l-isfida nidħlu għaliha bi spirtu ġdid.

Forsi għall-ewwel darba għal kemm ilhom jinbnew it-toroq f’pajjiżna, nistgħu ngħidu li għandna flus kemm hemm bżonn. Hemm 30 miljun Ewro ġejjin mill-Protokoll Taljan, 20.7 miljun Ewro ġejjin mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja u 4 miljun Ewro bħala fondi reġjonali għal Għawdex – total ta’ 55 miljun Ewro. Dan minbarra is-Lm7 Miljuni kull sena li l-Gvern joħroġ mill-fond konsolidat għal dan l-għan. Jiġifieri fis-sentejn li ġejjin ser jintefqu aktar minn Lm30 miljuni f’xogħlijiet fuq toroq.

Għalhekk, quddiemna għandna xenarju li qatt ma rajna bħalu qabel – xenarju li jitlob li ndaħħlu kultura ġdida ta' serjeta' u dixxiplina fl-iżvilupp tat-toroq f'kull livell. Dan filwaqt li niżguraw ruħna li l-fondi disponibbli nonfquhom kollha u nonfquhom sew.

Dawn is-seba' volumi tal-istandards li ser inkunu qed nitkellmu dwarhom illum huma l-katina li tiġbor dan kollu f'daqqa. L-għodda kollha li għandna bżonn biex din il-problema nidħlula b'mod strateġiku issa qiegħda f'idejna.

L-istandards li ser inkunu qed inħarsu lejhom dal-għodu jiżguraw li mhux biss dawn ix-xogħlijiet li għadni kemm semmejt isiru kif suppost, iżda li pajjiżna jikseb in-‘know how’ fil-bini ta' toroq ta' livell għoli – ‘know how’ li jservi anke lil dawk l-entitajiet privati li jkunu jridu jidħlu għal xogħol fil-bini ta' toroq barra minn Malta.

L-Avviż Legali Numru 364 tal-2003 għamel liġi minn dawn l-istandards. Għalhekk kemm il-Gvern kif ukoll l-Awtorita’ dwar it-Trasport, minn issa 'l quddiem ser ikunu qed iħarsu mill-viċin lejn l-implimentazzjoni ta' dawn l-istandards f'kull biċċa xogħol li tkun qed issir fuq it-toroq tagħna.

Illum ninsabu f'pożizzjoni aħjar minn qatt qabel, biex din l-isfida nidħlula bi strateġija serja, li twassal għal riżultati konkreti. Intom il-kuntratturi għandkom quddiemkom opportunita’ unika biex tibdew tħarsu lejn il-bini tat-toroq mhux biss bħala l-mezz li bih taqilgħu l-għixien tagħkom, iżda mezz biex issiru industrija dinamika u moderna li toffri servizz li ttejjeb il-kwalita’ tal-ħajja u li tikkontribwixxi għat-tkabbir tal-ekonomija.

Ir-riżultati mhux ser narawhom mil-lum għall-għada, imma l-progress ser ikun kostanti. Jiena ċert li kollha hemm aħna nifhmu l-importanza ta' l-isfidi li għandna quddiemna u konvint li din l-opportunita’ ser naħtfuha.

Għalhekk intemm billi nixtieqilkom il-ħidma t-tajba.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow