SILTIET MINN DISKORS LI FRANCIS ZAMMIT DIMECH, MINISTRU GĦAT-TURIŻMU U L-KULTURA GĦAMEL META INDIRIZZA SEMINAR BIT-TEMA “IL-WIRT KULTURALI HU TA’ KULĦADD – X’INHU S-SEHEM TAL-KUNSILL TIEGĦEK”
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-wirt kulturali tagħna kien jiddistingwina minn ġnus oħra u għalhekk jagħmilna Maltin. Hu qal li dan il-wirt kulturali kien ukoll wieħed mill-pilastri li fuqhom konna qed nibnu s-settur turistiku.
Francis Zammit Dimech fakkar li waħda mil-għaxar prioritajiet tal-Gvern preżenti kienet dik li titkabbar l-ekonomija b’attenzjoni partikolari fuq it-turiżmu. Hu qal li kienet ittieħdet id-deċiżżjoni strateġika li pajjiżna ma jibqax jiddependi biss fuq ix-xemx, ir-ramel u l-baħar biex jattira t-turisti minħabba li kien hemm pajjiżi qrib tagħna li kellhom xemx u xtajtiet imrammla aktar minnha u li setgħu joffruhom bi prezzijiet ferm aktar baxxi milli stajna noffruhom aħna. Għalhekk pajjiżna qed jirriklama dak li ħaddieħor m’għandux, jiġifieri l-wirt storiku u kulturali tiegħu. Hu qal li aħna għandna storja li tmur lura 7,000 sena b’tempji aktar antiki mill-piramidi ta’ l-Eġittu u minn Stonehedge ta’ l-Ingilterra. Għandna wkoll knejjes u palazzi, bliet imdawwra bis-swar, fortifikazzjonijiet, folklor, tradizzjonijiet u festi tal-bliet u l-irħula li huma uniċi.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura stqarr li d-deċiżżjoni tal-Prim Ministru Lawerence Gonzi li jgħaqqad it-turiżmu mal-kultura kienet waħda fid-direzzjoni t-tajba għaliex jemmen li t-turiżmu u l-kultura kienu jimxu flimkien.
Is-sehem li setgħu jagħtu l-Kunsilli Lokali biex jitħares il-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna kien wieħed kbir. Hu qal li kien ta’ pjaċir jinnota li l-Kunsilli Lokali kienu konxji mill-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna u kienu qed jagħmlu ħilithom mhux biss biex iħarsuh iżda biex il-poplu jagħraf jgħożż dejjem aktar dak kollu li għandna u li jagħmilna nazzjon Indipendenti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal kien fil-Birgu, li kien eżempju tajjeb ta’ kif il-Kunsilli Lokali kienu jaħdmu biex iħarsu u jippromwovu l-wirt storiku u kulturali tal-lokalita’ tagħhom. Hu qal li tul l-aħħar snin ħadem ma’ dan il-Kunsill sew permezz tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u l-Unit għar-Restawr fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet biex twettqu proġetti ta’ restawr u anke bħala Ministru għat-Turiżmu ta s-sehem tiegħu biex twettqu aktar proġetti ta’ restawr u biex kien organizzat il-Birgufest li reġa’ ġibed lejn din il-belt qadima mdawwra bis-swar eluf ta’ Maltin u turisti.
Francis Zammit Dimech qal li ħadem ukoll flimkien mal-Kunsilli Lokali ta’ dawn il-bliet biex fit-twettiq tal-proġett tal-Kottonera jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex ikun imħares il-wirt storiku u kulturali ta’ dawn l-inħawi. Hu qal li dejjem sab il-kooprerazzjoni kollha tal-Kunsilli Lokali li għandhom għal qalbhom dak kollu li jgħaqqadhom ma’ l-istorja ta’ dawn l-inħawi li jistgħu jitqiesu bħala l-benniena tal-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura qal li fil-ħidma tiegħu kien se jkompli jagħti attenzjoni speċjali biex il-wirt kulturali ikun veru ta’ kulħadd billi jagħmel minn kollox biex il-mużewijiet u l-siti storiċi ta’ pajjiżna jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Hu qal li f’din il-ħidma kien ċert li se jkompli jsib il-kooperazzjoni tal-Kunsilli Lokali li s-sehem tagħhom biex inkattru l-kultura f’pajjiżna kien wieħed determinanti.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en