DISKORS TA’ L-GĦELUQ MILL-ONOR. HELEN D’AMATO SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ-KUNSILL NAZZJONALI TA’ L-ANZJANI-VALLETTA IS-SIBT 27 TA' MARZU, 2004
Sur President, Membri tal-Kunsill, Ħbieb
Huwa ta’ pjaċir u unur kbir għalija, li erbat ijiem biss wara l-ħatra tiegħi bħala Segretarju Parlamentarti fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Kommunità, qegħda hawn illum nindirizza lill-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Anzjani. Kien fi ħsiebi li jien niltaqa` magħkom iżda intom antiċipajtuni.
Nixtieq inwassal it-tislijiet tal-Ministru Louis Deguara u flimkien inwegħdukom impenn u ħidma b’risq l-anzjani kollha.
Il-Gvern, li llum nifforma parti minnu jien ilu sa mill-1987, jagħti importanza kbira lill-qasam ta’ l-anzjani. U kien propju għalhekk li dak iż-żmien kien waqqaf għall-ewwel darba Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani. Hawnhekk ippermettuli mill-bidu nett nirringrazzja lil dawk kollha li ġew qabli u nixtieq li nagħtihom ħajr wieħed wieħed b’isimhom: Il-Prof John Rizzo Naudi, Dr Antoine Mifsud Bonnici, Dr Louis Buhagiar u Dr Frans Agius għax-xogħol imprezzabbli li huma wettqu u għall-inizjattivi li huma ħadu b’risq il-ġid ta’ l-anzjan f’pajjiżna. U r-riżultat ta’ dan kollu qed narawh u ngħixuh illum. Illum kulħadd jirrikonoxxi li l-anzjan f’pajjiżna għamel qabża kbira ta’ kwalità bil-mod kif qed jgħix l-anzjanita tiegħu.
Il-motto tiegħi se jkun: Adding life to years and not adding years to life.
Il-lum f’pajjiżna għall-grazzja ta’ Alla, in-numru ta’ nies li jgħixu fit-tul qiegħed dejjem jiżdied. U r-raġuni għal dan huma bosta, iżda ma nistax ma nsemmix l-avvanzi li seħħew f’pajjiżna f’dik li hija kura u servizzi mediċi. Izda ma hux biżżejjed li l-bniedem jgħix għal żmien itwal imma li l-bniedem jgħix għal żmien itwal u li dak iż-żmien ikun ta’ kwalità.
Jiena nqis l-anzjani tagħna bħala asset u mhux a liability. L-anzjani tagħna huma riżorsa mportanti li rridu nkomplu niżviluppaw u nirfinaw.
Meta kont għalliema dejjem poġġejt lit-tfal fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħi u dejjem ħdimt in the best interest of the child. Il-lum li jien Segretarju Parlamentari għall-anzjani żgur li se npoggi lill-anzjani tagħna fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħi u se naħdem in the best interest of the elderly.
U l-impenn tal-Gvern li nifforma parti minnu jien huwa li nkomplu nsaħħu l-politika li l-anzjani jkollhom il-post li jixirqilhom fl-oqsma kollha tas-soċjetaà fuq livelli kemm lokali kif ukoll nazzjonali, fl-oqsma ekonomiċi kif ukoll fl-oqsma soċjali u edukattivi, fil-parroċċi u fil-volontarjat.
Ħbieb,
Jien nemmen li l-aħjar post fejn għandhom jgħixu l-anzjani tagħna huwa fil-kommunitajiet fejn trabbew, għexu u kabbru l-familji tagħhom. Dan ifisser li allura l-qafas tas-servizzi rridu nkomplu nsaħħuh, u naġġornawh. Is-servizzi li aħna noffru jridu jirriflettu l-bżonnijiet ta’ l-anzjan tal-lum u ta’ għada. Nemmen ukoll li rridu nkomplu naħdmu fuq il-linja ta` servizzi personalizzati – fejn mhux jkollna one size fits all!! – u dan kemm għal servizzi li jingħataw fl-istituzzjonijiet tagħna kif ukoll f’dawk li jingħataw fil-komunità.
Irrid nirrikonoxxi li dan forsi huwa aktar faċli tgħidu milli twettqu. Li nista` nwiegħdkom hu - l-impenn sħiħ tiegħi.
Iżda ma nixtieqx li nitkellmu biss dwar servizzi, importanti kemm huma mportanti, u nixtieq nitlob l-għajnuna tagħkom biex tkunu intom stess flimkien miegħi li nfasslu politika minn aspett aktar wiegħsa dwar l-anzjani u l-anzjanita. Ħadd aktar minnkom ma jaf x’inhuma l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-anzjani. Nitlobkom li tkunu s-swaba tiegħi biex jien inkun nista` nħoss ħafna aktar u nkun sensittiva ħafna aktar għal dak li intom tixtiequ taraw jitwettaq.
Il-pajjiż bħalissa għaddej minn żminijiet ferm interssanti. Il-bidliet li jridu jkomplu jseħħu permezz tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għandhom ikunu wkoll ta’ sfida għalikom. Tħallu xejn jaħrabilkom, minn idejkom. Ejjew flimkien naħdmu biex nieħdu vantaġġ minn kull opportunità li hemm tistenniena.
Nagħlaq billi nirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor tul iż-żmien ħadmu b’risq l-anzjani. Nixtieq nirringrazzja lill-NGO’s u lill-Knisja li dejjem kienu minn ta’ quddiem biex joffru s-servizzi tagħhom f’dan il-qasam.
Fl-aħħar nett nirringrazzja lilkom hawn illum ta’ l-impenn li urejtu sa issa u li m’għandix dubbju li se tkomplu turu. Napprezza ħafna kull għajnuna li intom tkunu disposti li tagħtuni. Għandi ħafna x’nitgħallem minn għandkom.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en