FTEHIM KOLLETTIV ĠDID BEJN L-M.C.A.S.T. U L-M.U.T.
L-MCAST iffirma ftehim kollettiv ġdid mal-Unjon ta’ l-Għalliema l-MUT. Il-fteħim hu validu għat-tlett snin li ġejjin. Il-ftehim qed jiġi ffirmat wara sena ta’ negozjati bejn il-kulleġġ u l-MUT li madankollu saru fi spirtu tajjeb ta’ djalogu kostruttiv u pożittiv. Għalkemm l-MCAST issa qiegħed fit-tielet sena tiegħu, dan hu l-ewwel ftehim kollettiv li qed jiġi ffirmat.
Meta l-MCAST kien inawgurat fl-2001, kien iddisinjat b’mod li jkun jista’ jopera b’mod aktar flessibbli mill-istituzzjonijiet vokazzjonali li kien qed jissostitwixxi kif ukoll ikun kulleġġ li jkun sensittiv u jirrifletti l-bżonnijiet ta’ l-istudenti u ta’ min iħaddem. Biex dawn l-iskopijiet jintlaħqu kien hemm bżonn ta’ bidla fil-mod u fil-ħinijiet li fihom jaħdmu l-lecturers. Dawn il-bidliet ġew inkorporati fil-ftehim kollettiv li kien iffirmat. Fost il-bidliet hemm, ħinijiet ta’ tagħlim għas-sena akkademika, ħinijiet ta’ ftuħ itwal għall-kulleġġ u aktar mobilita’ għal-lecturers.
Mira oħra tal-Kulleġġ hi li joħloq ambjent li jwassal biex jkunu mpjegati u miżmuma numru ta’ għalliema u lecturers motivati u professjonali li joffru livell għoli ta’ tagħlim u taħriġ. Din il-mira hi riflessa fi tnaqqis tan-numru ta’ kategoriji ta’ lecturers differenti, aktar opportunitajiet għall-promozzjoni u opportunitajiet għall-istaff li jieħdu rwoli amministrattivi. Madankollu il-promozzjonijiet f’ċerti livelli se jkunu jiddependu mill-kwalifiki ta’ tagħlim vokazzjonali li jkunu kisbu l-għalliema kif ukoll fuq il-kapaċitajiet li juri fil-klassijiet.
Il-ftehim jirrikonoxxi l-bidliet fir-responsabbiltajiet u l-ammont ta’ xogħol permezz tal-livelli tas-salarji li qed jiġu offruti. Il-Kulleġġ jemmen li dawn is-salarji se jkunu wkoll attraenti għal dawk li jixtiequ jgħallmu fil-qasam tat-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali. Fuq kollox hu mistenni li dan il-fteħim iwassal biex l-MCAST ikollu għalliema u lecturers imħarrġa u mħallsin tajjeb biex jipprovdi edukazzjoni u taħriġ ta’ l-għola livell u ta’ l-aħjar kwalita’.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal li minn meta nfetaħ, il-kulleġġ vokazzjonali kien maħsub bħala istituzzjoni li toffri tagħlim u taħriġ kemm għall-istudenti li jixtiequ jkomplu jistudjaw kif ukoll għal dawk l-adulti li riedu jidħlu fis-suq tax-xogħol jew dawk li diġà kellhom impjieg u riedu jkomplu jitħarrġu. Louis Galea qal li meta fetaħ l-MCAST, hu ried jiżgura li l-kulleġġ ikollu l-flessibilità kollha meħtieġa biex jilħaq l-iskopijiet kollha li kellu l-kulleġġ. Il-ħinijiet estiżi tal-kulleġġ huma essenzjali jekk verament irridu noffru edukazzjoni tul il-ħajja li tirrifletti l-bżonnijiet tal-pajjiż u tas-suq tax-xogħol. Hu qal li l-Pjan Strateġiku dwar it-Tagħlim tul il-Ħajja se twassal biex isiru bidliet importanti u meħtieġa fil-mod kif noffru t-tagħlim u t-taħriġ fl-istituzzjonijiet kollha f’pajjiżna inkluż fl-MCAST.
Il-Ministru Galea semma wkoll il-Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar l-Impjiegi, pjan li se jkun qed jindirizza partikolarment il-parteċipazzjoni tan-nisa, l-impjiegi għal persuni ta’ etajiet kbar, miżuri proattivi biex jinstab impjieg għal min hu bla xogħol u żidiet fin-numru ta’ studenti li jkomplu l-edukazzjoni fil-livell post-sekondarju. Dawn il-fatturi se jkollhom effett fuq l-MCAST u fuq istituzzjonijiet edukattivi oħrajn, madankollu il-flessibilità li għandu l-MCAST partikolarment bil-fteħim li ġie iffirmat ippoġġuħ f’pożizzjoni tajba biex ikun jista’ jilqa dawn l-isfidi b’mod pożittiv u proattiv.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en